Iċ-Ċentru Studji Dun Ġorġ, fi ħdan is-Soċjetà tal-MUSEUM, qed jorganizza taħdita għall-pubbliku dwar Oliver Friggieri u San Ġorġ Preca minn Dr David Aloisio.
Il-kittieb Oliver Friggieri kien jiddeskrivi lil San Ġorġ Preca bħala “bniedem li ma kienx f’postu f’din id-dinja u li għex jistenna li jmur lura f’postu. Sadattant ipprova jkaxkar lil kulħadd miegħu, bil-kelma li kienet azzjoni, u bl-azzjoni li żvugat fil-kelma”.
Wara t-taħdita ssir it-tnedija tar-rivista ‘Dun Ġorġ’ (ħarġa 50), edizzjoni kommemorattiva bil-kitbiet u d-diskorsi ta’ Prof. Oliver Friggieri dwar Dun Ġorġ Preca. Fid-daħla ta’ din l-edizzjoni speċjali, il-poeta u membru tal-Museum Ġorġ Borg qal, “Dawn il-kitbiet, minnhom infushom, huma dokument imprezzabbli ta’ kemm Oliver Friggieri mhux biss kien influwenzat minn Dun Ġorġ imma wkoll ta’ kemm hu, min-naħa tiegħu, studja u għarrex fuq dan il-qaddis.
“Ir-riflessjonijijet ta’ Prof. Friggieri huma frott ta’ smigħ attent għat‑taħditiet u qari bir-reqqa tal‑kitbiet ta’ Dun Ġorġ u, mhux b’anqas, frott tal-esperjenza li kiseb fil-ftit laqgħat li kellu miegħu.”
It-taħdita se ssir nhar il-Ħamis 7 ta’ Marzu fis-Sala tal-Konferenzi ta’ Dar il-Ħanin Samaritan, Triq il-Palazz l-Aħmar, Santa Venera, fis-7pm. Hi bla ħlas u m’hemmx bżonn booking għaliha. Għal iktar tagħrif ibgħat email fuq [email protected].