UĊUĦ fuq NET TV nhar il-Ħadd 20 ta’ Novembru bejn 10.30am u nofsinhar, b’repetizzjoni l-Ġimgħa f’nofsillejl.
Marthese Brincat, din il-ġimgħa wkoll, għandha mistednin li b’xi mod jew ieħor qed jgħinu lil ħaddieħor. Fl-ewwel parti ser niltaqgħu ma’ Fr Elia Vella ofm conv u Marisa u Steve Conti li jagħmlu parti mill-grupp Families for Christ. Dan huwa grupp li qed jgħin lil koppji oħra jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom f’dinja fejn qed naraw ħafna problemi ta’ koppji minħabba stress fuq xogħol, nuqqas ta’ komunikazzjoni etc.
Mistiednin oħrajn huma tlett sorijiet tal-Ursolini li mhux biss jieħdu ħsieb it-tfal imma jagħmlu xogħol ieħor fejn ikun hemm bżonn. Dawn imma għandhom ukoll it-talent tal-Kant u l-kompozizzjoni. Ser narawhom ikantaw kanzunetta tagħhom u ser nitkellmu magħhom.
L-oratorju ta’ Birkirkara, s-sena l-oħra għalaq mitt sena mit-twaqqif tiegħu, illum il-ġurnata barra li huwa ċentru fejn tfal jitgħallmu d-duttrina qed isir ċentru ta’ spiritwalita’ u evangelizzazzjoni għal kull min irid jisma’ u jitgħallem. F’dinja mgħaġġla tal-lum huwa importanti li xi kultant nieqfu u nixtarru kif qed ngħixu. Għalhekk huwa importanti li nsibu ħin biex nisimgħu u naraw il-bżonnijiet spiritwali tagħna wkoll. Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix!!!
Il-grupp Salt wkoll ser jagħtuna tlett kanzunetti sbieħ u Fr Marcello Ghirlando ofm ser jagħtina clip fejn jispjega s-sabiħ li wieħed jaqra u jifhem il-bibbja.
Produzzjoni Ezekuttiva ta’ ĊAM Productions international taħt id-direzzjoni ta’ Fr Louis Mallia mssp.
SEJJAĦTLI fuq Favourite TV nhar il-Ħadd 20 ta’ Novembru 2011 fis-6.30pm.
Joyce Cassar, flimkien mal-mistieden residenti Fr Rene Camilleri u mistiedna oħra, u l-atturi Keith Borg u Lara Vella ser jiddiskutu x’għandhom ikunu l-prijoritajiet fil-ħajja ta’ koppja, speċjalment fejn jidħol ix-xogħol u l-familja. Kif qed ngħixu llum? Qed naħdmu biss biex insiefru, jew biex nixtru karozza ġdida, jew biex nibdlu l-għamara tad-dar, jew qed ikollna tant naħdmu biex inħallsu d-dejn tad-dar fejn noqgħodu? Billi għandna aktar flus fl-idejn, qed ngħixu aktar kuntenti? Qed ikollna ċans nieħdu gost b’xulxin?
Dan u aktar f’dan il-programm tal-lum. Produzzjoni eżekuttiva ta’ Ċam Productions international taħt id-direzzjoni ta’ Fr Louis Mallia mssp.