Fit-tifkira tal-eżaltazzjoni tas-salib, l-Isqof Mario Toso, Segretarju tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, fakkar l-10 anniversarju mill-mewt tal-Cardinal Francois-Xavier Nguyen Van Thuan u qal li “għadna sal-lum ngħixu l-mument tat-telfa tal-Kardinal, li din is-sena li ġejja, li se tkun iddedikata lill-fidi, anki fid-dawl tas-Sinodu li jmiss f’Ottubru ddedikat lill-evanġelizzazzjoni l-ġdida, it-tifkira tal-Kardinal Van Thuan se tkun karatterizzata minn referenzi pastorali u ekkleżjali f’tifsiriet profondi. Fil-festa tal-eżaltazzjoni tas-salib, b’mod partikolari, wieħed jagħraf aħjar lil Van Thuan bħala xhud erojku tal-imħabba lejn Kristu, tal-imħabba sħiħa imnebbħa mill-fidi qawwija tiegħu li wasslitu biex saħansitra isofri torturi li kienu jingħataw lill-iskjavi”.
L-Isqof Toso kompla li “is-salib hu l-post fejn Kristu wera d-distanza, l-għoli, it-tul u l-profondita tal-imħabba li kellu lejn Alla u l-umanita. Tul snin sħaħ priġunier, ġabar dejjem il-qawwa tiegħu mill-imħabba lejn Kristu Msallab. Approfondixxa dan biċ-ċelebrazzjoni tal-ewkaristija, imqanqal kif kien mill-fidi qawwija. Fit-talb tiegħu kien iħobb jikkwota t-talba liturġiku ‘O Crux ave, spes unica’ li tfisser ‘Sliem għalik o Salib, l-uniku tama tagħna’.
Hu temm jgħid li “jalla li s-salib li fuqu Kristu fetaħ dirgħajh berah u ġabar lil-Lhud u l-pagani f’poplu wieħed, jgħinna, bħal ma għen lis-serv t’Alla l-Kardinal Van Thuan, sabiex inkunu promuturi tal-għaqda u l-paċi”.