L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Jum il-Gradwazzjoni hu jum li fih niċċelebraw is-suċċess. Intom illum bir-raġun qed tiċċelebraw, u aħna lkoll magħkom, għax wasaltu fi tmiem l-istudji tagħkom b’suċċess. Għandkom għal xiex tifirħu! Dan is-suċċess ma ġiex waħdu, imma kien frott ta’ snin ta’ studju, kultant ta’ żmien diffiċli u ta’ ostakli li żgur iltqajtu magħhom u li għelibtu biex stajtu taslu sat-tmiem.

Huma ħafna dawk il-persuni li għandkom tirringrazzjaw ta’ dan is-suċċess tagħkom f’Jum il-Gradwazzjoni. Hawnhekk fil-Konkatidral, flimkien qed ngħidu grazzi lil Alla, għax nemmnu li minnu jiġina kull ġid f’ħajjitna u li kien magħkom tul is-snin tal-istudju. Għalhekk tlabna: “Kull ħin inbierek il-Mulej”. Miegħu qed nuru l-gratitudni lejn l-edukaturi u l-istaff kollu fl-Università u wkoll lejn dawk kollha li mxew magħkom tul is-snin – ġenituri, familja, ħbieb – biex stajtu taslu għal Jum il-Gradwazzjoni.

Filwaqt li tiċċelebraw is-suċċess marbut mal-gradwazzjoni, nixtieq nawguralkom li l-ħajja kollha tagħkom tkun suċċess – li intom tagħrfu kif tistgħu tibnu fuq is-suċċess ta’ tmiem l-istudji biex ikollkom ħajja ta’ suċċess.

Fuq sisien sodi

Il-kelma ta’ Ġesù li smajna fl-Evanġelju turina sewwasew kif nagħmlu suċċess b’ħajjitna. Ġesù jqabbel lil  min jibni fuq il-blat ma’ min jibni fuq ir-ramel. Hu jgħid li min jisma’ kliemu u jgħixu f’ħajtu jkun jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat. Meta niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, ma ġarrfuhiex għax kellha s-sisien tagħha fis-sod. Jgħid ukoll li min jisma’ kliemu u ma jagħmlux isir jixbah lil min jibni dar fuq ir-ramel, u meta tqum maltempata kbira, tiġġarraf u tinqered, għax ma tkunx mibnija fis-sod.

Nixtieqkom li tirriflettu fuq kif tistgħu tibnu tassew fuq sisien sodi. Ikun jiswielkom ħafna ta’ ġid jekk issa, fiż-żmien tal-gradwazzjoni, intom tieqfu u tirriflettu bis-serjetà fejn qegħdin dawn is-sisien sodi, il-valuri li għandhom imexxukom fil-ħajja. Minn kliem Ġesù joħorġu tant valuri sbieħ li jgħinukom tqiegħdu l-ewwel dak li hu l-iktar importanti u għalhekk jgħinukom tibnu ħajja ta’ suċċess.

Onestà

Tkunu qed tibnu fuq il-blat jekk intom tagħrfu taqdu r-responsabbiltajiet li jkollkom fil-professjoni tagħkom b’onestà sħiħa. Li tfittxu dejjem dak li hu sewwa u xieraq, u dan ikun kriterju ewlieni fl-għażliet tagħkom. Għalhekk li tegħlbu t-tentazzjoni li tqabblu fejn jaqbel, jew li tfittxu l-gwadann personali akkost li tgħawġu l-prinċipji. Min jgħix hekk jista’ jidher minn barra li qed jagħmel suċċess, li miexi ’l quddiem u jħalli lill-oħrajn bla nifs, imma fil-verità jkun qed jibni fuq ir-ramel. Kif fisser tant tajjeb Ġesù, ir-riskju hu li tiġi maltempata waħda u ġġorr kollox.

L-onestà tgħinek tħares lejn il-flus li tista’ taqla’ mill-professjoni mhux bħala għan fih innifsu, imma bħala mezz. Is-suċċess f’għajnejn Alla mhux kemm tagħmlu flus fil-professjoni tagħkom, imma kemm tagħmlu ġid. Jekk tirkbek ir-regħba biex dejjem takkwista aktar, ġej minn fejn ġej id-dħul, il-flus jispiċċaw jikkmandawk flok tikkmandahom int. Is-soċjetà Maltija teħtieġ nies li jagħrfu jagħżlu dak li hu sewwa u xieraq, li jaħdmu b’onestà u li jirrifjutaw li jitmexxew mir-regħba.

Fejn tidħol l-onestà, nixtieqkom tiftakru li l-ħażin hu ħażin mhux għax tinqabad tagħmlu, jew għax xi ħadd f’daqqa waħda jikxfek, imma għax hu ħażin fih innifsu. Ukoll jekk jirnexxilek tqarraq b’ħafna nies fil-ħajja, il-ħażin jibqa’ ħażin u fil-fond ta’ qalbek taf li dik mhix ħajja ta’ suċċess imma ta’ rovina.

Dinjità

Tkunu qed tibnu fuq il-blat jekk intom tagħrfu tgħixu l-professjoni tagħkom b’rispett sħiħ lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull persuna, u b’sens kbir ta’ servizz. Dan għallimna Ġesù, li ġie mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi. Aħna lkoll nafu, mill-esperjenza tagħna, x’differenza tagħmel meta persuna, fil-professjoni tagħha, tipprova tgħinek bis-serjetà għax tistmak ta’ bniedem. Il-ġentilezza mhijiex sinjal ta’ dgħufija imma hi sinjal ta’ dinjità u ta’ umanità.

Użaw l-enerġija taż-żgħożija tagħkom biex iġġibu bidla għall-aħjar. Hemm tant oqsma llum fejn tistgħu tagħmlu differenza.

Fil-qadi tal-professjoni tagħkom, tħarsux lejn in-nies qishom kienu numri jew oġġetti – imma ħarsu lejhom bħala xbieha ta’Alla, b’rispett kbir lejn id-dinjità tagħhom. Ftakru li kull persuna hi għażiża, hi liema hi r-razza tagħha, il-lewn tagħha, ir-reliġjon tagħha, u kull tip ta’ diversità oħra.

Sehem attiv fis-soċjetà

Tkunu qed tibnu fuq il-blat meta intom ma tingħalqux fikom infuskom, imma tagħrfu tagħtu s-sehem attiv tagħkom fis-soċjetà Maltija llum.

Il-Mulej takom ħafna talenti, u intom ġa ħdimtu biex tiżviluppawhom permezz tal-istudju. Jalla tagħrfu tużaw it-talenti tagħkom bi kreattività għall-ġid tas-soċjetà. Bħala żgħażagħ, intom għandkom kontribut x’tagħtu mhux biss għas-soċjetà tal-futur imma wkoll għas-soċjetà tal-lum. Użaw l-enerġija taż-żgħożija tagħkom biex iġġibu bidla għall-aħjar. Hemm tant oqsma llum fejn tistgħu tagħmlu differenza. Ħa nsemmi wieħed li jolqot lil kulħadd, il-qasam tal-ħarsien tal-ambjent. Aħna msejħin biex nipproteġu l-ħolqien ta’ Alla għall-ħajja u s-saħħa tagħna, u għall-ġenerazzjonijiet futuri. Li nħarsu l-ambjent mill-qerda hi emerġenza f’pajjiżna u intom tistgħu tagħtu kontribut kbir f’dan.

Għeżież ħbieb, jien nixtiqilkom l-isbaħ u l-aħjar, u għalhekk se nitlob lill-Mulej biex jagħtikom l-għajnuna li teħtieġu, speċjalment fil-mumenti ibsin u fl-isfidi tal-ħajja. Nitolbu biex jgħinkom tibnu ħajjitkom fuq il-blat, mhux fuq ir-ramel, ħalli tkun tassew ħajja ta’ suċċess.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti