Valletta FC u Fondazzjoni Caritas Malta jħabbru l-kollaborazzjoni bi skop ta’ għarfien dwar riabilitazzjoni mill-abbuż ta’ droga u wkoll bħala sapport lejn persuni li jinsabu fl-irkupru tagħhom. Din l-inizjattiva tħabbret mid-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt u Claudio Grech President tal-Valletta FC, li timmarka pass importanti fejn tgħaqqad l-isports mas-soċjal.

Il-kollaborazzjoni tiffaċilita l-qawwa tal-isport biex jitwassal messaġġ ta’ tama, resiljenza, u rkupru għall-persuni li huma dipendenti fuq sustanzi. Permezz ta’ attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi, outreach fil-komunità u programmi edukattivi, Valletta FC u Caritas se jaħdmu flimkien biex permezz tas-sapporters tal-football Malti tkompli titneħħa l-istigma tad-dipendenza fuq is-sustanzi u tiġi promossa l-attività sportiva u sapport għar-riabilitazzjoni.

Anthony Gatt afferma li persuni jistgħu jirkupraw minn dipendenza permezz ta’ sapport tal-komunità. Din il-kollaborazzjoni ma’ Valletta FC hija xhieda tas-sapport kif il-komunità tilħaq persuni li jinsabu fl-irkupru. Anthony Gatt esprima l-apprezzament lejn Valletta FC li ressqet lejn Caritas bi tliet dimensjonijiet: l-ewwel biex isir ġbir ta’ fondi għas-servizzi kollha li Caritas tagħti mingħajr ħlas lil dawk l-aktar vulnerabbli; it-tieni biex issir kollaborazzjoni ta’ għarfien u informazzjoni dwar is-servizzi ta’ riabilitazzjoni ta’ Caritas; u t-tielet biex issir promozzjoni għall-football bħala attività sportiva li toffri natural high u alternattiva sana kontra l-konsegwenzi devastanti tal-abbuż ta’ sustanzi. Id-Direttur ta’ Caritas Malta kkonkluda billi rringrazzja lill-Valletta FC li qed jagħtu eżempju u jinkorraġġixxu clubs oħra biex jagħmlu l-istess.

Claudio Grech spjega kif il-partijiet għażlu t-tema Bounce Back għal din il-kollaborazzjoni, u qal “bħalma qed naħdmu b’saħħa ‘to bounce back’ bħala club tal-football, wara li t-team ġie relegat l-istaġun li għadda, irridu nibagħtu l-messaġġ ta’ tama lil dawk li għaddejja minn sitwazzjonijiet diffiċli, minħabba d-dipendenza fuq id-droga, u li anki huma ‘they can bounce back’ mill-isfidi tagħhom. Dan il-ftehim jirrappreżenta impenn pożittiv lejn il-komunità, u permezz ta’ din is-sħubija ma’ Caritas, bl-għan li jispira t-tama u jiffaċilita rkupru, permezz tal-qawwa tal-football li jista’ jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.”

Bħala parti minn din l-inizjattiva, Caritas Malta se jkollha l-logo tagħha preżenti fuq il-kit ta’ Valletta FC u channels diġitali, filwaqt li jiġu dedikati attivitajiet anki permezz tas-sapporters li se jġorru din il-missjoni. L-ewwel attività se tkun il-Bounce Back Caritas Cup, triangular tournament bejn Valletta FC, Gżira FC u Lija Athletics FC. Dan it-tournament se jsir nhar is- Sibt, 9 ta’ Novembru fid-Dingli Training Grounds, bid-dħul minn din l-attività jmur kollu lejn l-attività annwali tal-Maratona ta’ ġbir ta’ fondi ta’ Caritas Malta. Ukoll programmi speċjali bħal ‘Football for Recovery’ clinics u serje ta’ taħditiet fejn jispikka l-irwol tal-isports f’bidla pożittiva fl-Akkademja ta’ Valletta FC.

Għall-iktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur www.vallettafc.net u jsegwi l-kampanja via #bounceback