Paolo Gabriele, ta’ 46 sena, li hu persuna qrib ħafna tal-Papa, deskritt bħala l-maġġordom jew il-kamrier li, fost oħrajn, iservi lill-Papa waqt l-ikel u jżommlu l-umbrella meta jkun f’dehriet pubbliċi fix-xita, kien arrestat u tressaq quddiem il-ġustizzja akkużat minn maġistrati tal-Vatikan b’pusess illegali ta’ dokumenti kunfidenzjali.
Dan kollu jorbot mas-serje ta’ rivelazzjonijiet, imlaqma Vatileaks, kixfu allegata korruzzjoni, allegat mismaniġjar u saħansitra allegati kunflitti interni fil-kuriduri tas-Santa Sede.
Ix-xahar li għadda, is-sit internet www.maltadiocese.org kien minn tal-ewwel li ta l-aħbar li l-Papa Benedittu XVI kien ħatar Kummissjoni speċjali ta’ Kardinali biex tinvestiga l-allegazzjonijiet.
Hu mifhum li l-pulizija arrestat lil Gabriele, missier ta’ tliet itfal, hekk kif kien qed jasal biex jibda x-xogħol fl-appartamenti tal-Papa fil-Palazz Appostoliku wara l-Bażilika San Pietru.
Gabriele ilu jaħdem spalla ma’ spalla mal-Papa għall-aħħar sitt snin, u hu deskritt bħala wieħed mill-eqreb tmien persuni li jiffurmaw ‘iċ-ċirku ta’ ġewwa’ li huma l-iktar qrib tal-Papa. Bħalissa qed jinżamm arrestat.
Il-Kelliem tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi, qal li Gabriele kien arrestat fuq “pussess ta’ dokumenti” li skont xi mezzi tal-media nstabu d-dar tiegħu stess mill-pulizija.
Rapporti qed jiżdiedu fuq siti internet bħal BBC, The Daily Telegraph u Reuters.