L-Arċisqof Charles J. Scicluna ser imexxi l-Via Sacra Nazzjonali li ser issir nhar l-Erbgħa, l-1 ta’ April 2015, fis-7.30p.m., fil-Kottonera. Il-Via Sacra tibda minn ħdejn il-Maċina, l-Isla, tgħaddi minn Bormla, u tintemm fil-ġnien ta’ Couvre Port, il-Birgu.
Matul il-Via Sacra, l-Arċisqof ser jimxi wara l-istatwa ta’ Ġesù Redentur tal-Birgu. Qed jiġu mistiedna jieħdu sehem ukoll il-fratelli u dawk involuti fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Il-Via Sacra qed tiġi organizzata mill-Arċidjoċesi ta’ Malta u minn radju RTK.