Skont il-Vigarju Appostoliku fi Tripli, l-attakki mill-forzi tal-koalizzjoni m’huma jsolvu xejn u l-komunita internazzjonali tagħmel tajjeb li ddur fuq l-Unjoni Afrikana biex tinstab soluzzjoni paċifika.
L-Isqof Giovanni Martinelli qal lill-Aġenzija Fides li jinsab “fiduċjuż li l-intelliġenza tal-Afrikani issolvi l-kriżi. L-Ewropew qed jiddeludu lilhom infushom meta jaħsbu li se jsolvu xi ħaġa bl-attakki bil-bombi. Meħtieġ jitħalla spazju għal medjazzjoni mill-Unjoni Afrikana”.
Ix-xahar li għadda, dimostranti fil-Libja bdew jitolbu lir-reġim ta’ Gaddafi biex iċedi mill-poter, li ilu jokkupa 42 sena. Il-protesti eskalaw f’kunflitt armat, b’Gaddafi jiddomina Tripli u bir-ribelli jokkuopaw Benghazi. Quddiem rapporti ta’ massakru ta’ nies ċivili, il-Kunsill tas-Sigurta tal-Ġnus Maqgħuda għadda r-riżoluzzjoni 1973, li awtorizzat lill-komunita internazzjonali sabiex tistabbilixxi u tinforza no-fly-zone fuq il-Libja, flimkien mal-miżuri neċessarji għall-protezzjoni taċ-ċivili.
L-Isqof Martinelli qal lill-Aġenzija tal-Aħbarijiet Fides li “minix imbeżża’ mill-bumbardamenti iżda ninkedd li wieħed ma jistax jipprova jiddjaloga biex tinstab soluzzjoni paċifika”. L-Isqof wera wkoll tħassib serju għall-fatt li eskalaw l-attakki waqt li Gaddafi, f’dehra fuq it-televiżjoni tal-Istat, iddikjara li mhux se jċedi.