L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ċertu diskors ta’ San Pawl fis-silta li għadna kemm smajna fl-Ittra tiegħu lill-Efesin, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jidher mhux floku. Xi kliem qisu diskors ta’ epoka oħra u diskors li jista’ jinftiehem ħażin minn min jaqra biss xi frażi ’l hawn u ‘l hinn bla ma jifhem x’qed jgħid b’mod sħiħ.
Nixtieq li niffoka llum fuq dak li jgħid San Pawl fejn jitkellem fuq ir-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin, għax fil-fatt, meta wieħed jagħraf il-messaġġ li ried iwassal lid-dixxipli ta’ Ġesù fi żmienu, u l-mod kif fehmuh l-Insara tal-bidu, jinduna li San Pawl qed iwassal hawn viżjoni differenti ħafna mill-mentalità ta’ żmienu.
Mentalità fejn ir-raġel hu superjuri
X’kienet il-mentalità dak iż-żmien fejn tidħol ir-relazzjoni bejn il-miżżewġin? Li r-raġel hu l-kap u l-mara qiegħda f’livell inqas, mhijiex indaqs. Ir-raġel superjuri għall-mara. Li fiż-żwieġ, jikkmanda r-raġel, għax hu għandu l-poter, u l-mara tobdi. Li r-raġel jiddeċiedi, u l-mara għandha tagħmel dak li jgħidilha r-raġel. Din kienet il-mentalità taż-żmien.
X’jagħmel San Pawl f’din is-silta lill-Efesin? Hu ried iwassal mentalità ġdida mibnija fuq il-fidi fi Kristu. B’liema mod jagħmel dan? Hu jitlaq mill-mentalità magħrufa ta’ żmienu u juża fil-bidu l-istess diskors, jiġifieri li “r-raġel hu ras il-mara”. Imma immedjetament iżid il-frażi “bħalma Kristu hu ras il-Knisja” (Ef 5:23). B’din il-frażi, meta qed ixebbah ir-relazzjoni tal-miżżewġin mar-relazzjoni bejn Kristu u l-Knisja, dak li qed jagħmel fil-fatt hu li qed jaqleb ta’ taħt fuq il-mentalità ta’ żmienu.
Ir-‘ras’ skont Kristu
Kif kien Kristu “ras il-Knisja”? U kif għallem lid-dixxipli tiegħu dwar dan? Nafu li Kristu fisser ċar lid-dixxipli tiegħu x’jiġifieri tkun ras, x’jiġifieri jkollok awtorità. Kien qal lid-dixxipli darba, meta kien hemm kwestjoni bejniethom: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa. Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom… Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mt 20:25-28).
U fl-Aħħar Ċena, biex iwassal dan il-messaġġ b’saħħa, niżel jaħsel saqajn id-dixxipli u kif spiċċa, qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej, u tgħidu sewwa għax hekk jien. Mela, jekk jien li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:12-15).
Ġesù jaqleb ta’ taħt fuq x’jiġifieri tkun “ir-ras”. Mhux poter li bih taħkem fuq ħaddieħor, imma servizz li bih tingħata lil ħaddieħor. Din hi l-viżjoni tiegħu li San Pawl ried li jenfasizza proprju meta qed jitkellem fuq ir-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin.
Tagħti ħajtek b’imħabba
San Pawl ikompli jenfasizza dan aktar ’il quddiem meta jgħid lill-irġiel: “ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha” (Ef 5:25). Fi żmienu dan kien diskors ġdid, ħadd ma kien jitkellem fuq x’inhuma r-responsabbiltajiet tal-irġiel b’dan il-mod. Kristu ta ħajtu għall-Knisja. Dan hu li għamel Kristu. Ara d-differenza fid-diskors.
Kristu qatt ma sallab lill-Knisja, imma ssallab għaliha. Kristu qatt ma kkalpesta lill-Knisja, imma ħa ħsiebha u kkuraha b’għożża. Kristu qatt ma insulenta lill-Knisja tiegħu jew abbużaha b’xi mod, imma ħabbha sal-aħħar.
San Pawl jgħid “bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu” (Ef 5:24), jiġifieri, bħalma l-Knisja taċċetta kontinwament l-imħabba sħiħa u l-għotja totali ta’ Kristu – hekk għandha tkun ir-relazzjoni bejn il-miżżewġin.
Ġisem wieħed
Din hi l-mentalità li ried jibdel San Pawl. Mhux xi ħadd jaħkem fuq ħaddieħor, imma l-għotja lil xulxin. Għalhekk imbagħad iwassal lill-Insara biex jifhmu li fiż-żwieġ ir-raġel u l-mara jsiru “ġisem wieħed” (Ef 5:31).
Mela ħaġa waħda, u dan ifisser li ma hemmx xi ħadd li hu aqwa u xi ħadd li hu inqas, xi ħadd li jikkmanda u xi ħadd li jobdi, xi ħadd li jordna u xi ħadd li jieħu l-ordnijiet. Ħaġa waħda. Mhux “vapur b’żewġ kaptani”, kif ngħidu kultant bil-Malti, għax fiż-żwieġ huma ġisem wieħed.
Messaġġ qawwi għal żmienna
Tindunaw mal-ewwel x’messaġġ importanti kien għal dak iż-żmien u għal żmienna wkoll, u speċjalment għar-relazzjonijiet fil-ħajja taż-żwieġ. Hija viżjoni li rridu lkoll naħdmu għaliha, qalb l-isfidi kollha tal-ħajja.
Dan hu wkoll messaġġ qawwi wkoll kontra kull forma ta’ abbuż fil-ħajja tar-relazzjonijiet, kull forma ta’ vjolenza domestika. Nafu li din hi pjaga, nafu kemm sofferenza kbira toħloq. Hemm diversi nies li qed ibatu u, kif turi r-realtà, speċjalment nisa li qed ibatu, għax il-parti kbira sew ta’ dawk li huma vjolenti u abbużivi huma rġiel.
Irridu nagħmlu lkoll ħilitna biex nagħtu appoġġ sħiħ u għajnuna lill-persuni li huma vittmi biex ikunu jistgħu jinqalgħu mis-sitwazzjoni ta’ abbuż. U, fejn tidħol il-vjolenza domestika, min għandu jieħu passi jrid jeħodhom mal-ewwel, mhux jistenna li l-abbuż jirrepeti ruħu u kultant iwassal għal konsegwenzi fatali.
Kliem li jagħti l-ħajja
Fl-Evanġelju llum, meta diversi dixxipli telqu lil Ġesù u ma baqgħux imorru warajh, u Ġesù jagħti sfida lill-appostli “tridux titilqu intom ukoll?” (Ġw 6:67), Pietru jwieġbu: “Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li int il-Qaddis ta’ Alla” (Ġw 6:68-69).
Il-viżjoni ta’ Ġesù li jwassal San Pawl lill-Efesin hi l-kliem tal-ħajja u l-kiem li jagħti l-ħajja. Nitolbu lill-Mulej biex inħaddnu dejjem aktar il-kelma tiegħu, il-viżjoni tiegħu, ħalli l-ħajja hawnhekk – tagħna u tan-nies ta’ madwarna – nagħmluha ħajja sabiħa, u ħa jkollna l-ħajja li twassalna fil-ħajja ta’ dejjem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju