Fi istqarrija tal-Laqgħa Straordinarja tal-Kumitat Islamiku-Kattoliku, liema laqgħa saret nhar it-Tlieta, tħabbar li l-laqgħa li jmiss tal-Kumitat hi skedata għal Lulju 2013 f’Ruma bit-tema tkun “Dawk li jemmnu quddiem l-isfida tal-materjaliżmu u s-sekulariżmu”.
Dan il-Kumitat, li jiltaqa’ kull sena, kien twaqqaf fl-1995 mill-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter-Reliġjuż, u mill-Forum Islamiku Internazzjonali għad-Djalogu, min-naħa tal-Musulmani. F’din l-okkażjoni, minbarra l-ideat li kienu skambjati u anki prospetti għar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ komunitajiet fil-futur, intagħżlet tema ta’ interess għaż-żewġ naħat, li kienet diskussa.
Il-laqgħa li ħabtet max-Shaban 20, 1433, kienet preseduta mill-President tal-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter-reliġjuż, il-Kardinal Jean Louis Tauran, min-naħa kattolika, u mill-President tal-Forum Islamiku Internazzjonali għad-Djalogu, Dr Hamid bin Ahmad Al-Rifaie.
Il-paretċipanti skambjaw ideat dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Musulmani u l-Kattoliċi fis-sitwazzjoni attwali fid-dinja. Qablu wkoll li jkomplu jiddeliberaw u li jissuktaw bid-djalogu, li ilu għaddej mill-1995.
Mill-1995 sal-2012 saru 17-il laqgħa, bil-laqgħa li jmiss skedata għal Lulju 2013 f’Ruma u li fiha se jieħdu sehem tmien parteċipanti.