Dinja Mutur jistieden lill-pubbliku jitla’ fuq il-mutur ma’ Stephen Formosa, u jerħilha għal avventura unika, li qed tgħolli s-siparju fuq għadd ta’ pajjiżi meraviljużi fl-Afrika, u l-ħidma li twettaq Missio Malta.
“Flimkien ma’ Stephen Formosa, li huwa l-protagonist ewlieni ta’ dan il-programm, Missio Malta riedet toħroġ b’format innovattiv sabiex tlaqqa’ lill-benefatturi tagħna, kif ukoll il-pubbliku li jsewgiha mid-dar, man-nies li jgħixu f’dawn il-pajjiżi. Dinja Mutur filfatt qed joħodna f’pajjiżi mbiegħeda bħall-Kenja, l-Uganda, it-Tanzanija u l-Możambik, sabiex insiru nafu lin-nies ta’ dawn il-pajjiżi, nitgħallmu dwar il-kulturi sinjuri tagħhom, u jinxteħet dawl fuq il-ħidma li Missio tagħmel f’dawn l-inħawi,” spjega Robert Farrugia, il-Kap tal-Komunikazzjoni u l-Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta.
Mistoqsi dwar din l-esperjenza, il-protagonist tal-programm Stephen Formosa kellu kliem sabiħ biex jiddeskrivi l-vjaġġ uniku li laqqgħu ma’ kulturi, ikel, użanzi u ħbieb ġodda tul it-triq. “Din kienet tassew esperjenza eċċezzjonli, li tagħti biss ftit togħma tal-ġmiel li jeżisti fid-dinja, u kemm hu sabiħ li napprezzaw dak kollu li jdawwarna!”
Dinja Mutur isegwi l-vjaġġ li għamel Stephen Formosa, biker Malti f’bosta pajjiżi fl-Afrika. Fost l-oħrajn huwa żar il-Kenja, l-Uganda, it-Tanzanija, il-Mozambik, il-Malawi, iż-Żimbabwe, iż-Żambia, in-Namibja, il-Bozwana, Lesoto u l-Afrika t’Isfel.
Dinja Mutur jixxandar kull nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ħamis fuq ONE TV fit-8:30pm.