Il‑BOV Volleyball Marathon b’risq id‑Dar tal‑Providenza reġgħet magħna bi 53 siegħa logħob bla waqfien fil‑parkeġġ tad‑Dar fis‑Siġġiewi. It‑13‑il edizzjoni tal‑Maratona tibda illum, il‑Ġimgħa 30 ta’ Ġunju fis‑6.00pm u tibqa’ sejra sa nofsillejl tal‑Ħadd 2 ta’ Lulju.

Attrazzjoni ġdida din is‑sena hija l‑logħob tas‑sitting volleyball, li huwa adattament tad‑dixxiplina tal‑volleyball li fih jistgħu jieħdu sehem ukoll persuni b’diżabilità. Din qed tiġi organizzata minn ParaVolley Malta flimkien mal-Birkirkara Volleyball Club u d-Dar tal-Providensa. Atleti li jilgħabu mat‑timijiet nazzjonali tas‑sitting volleyball tas‑Slovenja, kif ukoll atleti oħra li jieħdu sehem fil‑Kampjonati Nazzjonali u beach paravolley fis‑Slovenja jinsabu hawn Malta biex jieħdu sehem f’partiti ta’ sitting volleyball matul it‑tliet ijiem tal‑Maratona.

Konferenza tal-aħbarijiet dwar is-sitting volleyball

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar stess, Nello Calleja, Segretarju Ġenerali ta’ ParaVolley Malta, ta ftit aktar informazzjoni dwar din l-attività. Huwa qal li għall-attività ta’ din is-sena, atleti Sloveni li huma jew membri tat-timijiet tas-Sitting Volleyball Nazzjonali fis-Slovenja jew inkella jilgħabu ma’ klabbijiet differenti fis-Slovenja, ġew mistiedna jiġu Malta. Dawn l-atleti, persuni nisa u rġiel, xi wħud minnhom b’diżabilità, ġew Malta biex jilgħabu kemm bejniethom kif ukoll kontra timijiet lokali.

Fil-fatt, players tal-volleyball kif ukoll membri tal-pubbliku ġew mistiedna jieħdu sehem f’dawn il-logħob tas-sitting volleyball li se jsiru filgħaxijiet tul it-tlett ijiem tal-Maratona tal-Volleyball bejn it-tmienja ta’ filgħaxija u nofsillejl.

Is-Sur Calleja kompla jgħid li l-attività tas-Sitting Volleyball hija miftuħa kemm għall-irġiel kif ukoll n-nisa. Se jkun hemm taħlita ta’ timijiet lokali, magħmulin min-nies ta’ kull abilita. Huwa jemmen bis-sħiħ li dixxiplina bħal dik tas-sitting volleyball tagħti opportunità lil kulħadd li jilgħab l-istess sport b’mod l-aktar inklussiv għax mill-mument li l-atleti jpoġġu bilqiegħda mal-art biex jilgħabu jsiru kollha ndaqs. Huwa temm jgħid li jittama li attivitajiet bħal dawn ikomplu jippromwovu l-fatt li l-isport huwa għal kulħadd hu x’inhu l-livell tal-abilità tal-persuna.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, Organizzazzjonijiet Volontarji u Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Portelli qalet li kienet impressjonata bl-entużjażmu muri mill-atleti, sew Maltin kif ukoll Sloveni li se jieħdu sehem, u esprimiet it-tama tagħha li l-Maratona tal-Volleyball ta’ tmiem il-ġimgħa tikseb l-aħjar riżultati kemm fil-logħob kif ukoll fid-donazzjonijiet tal-pubbliku. Hija wiegħdet l-appoġġ tagħha għall-organizzazzjoni ta’ tournament internazzjonali tas-Sitting Volleyball f’Malta kif kienet ix-xewqa espressa minn Nello Calleja.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll is-Sur Charles Azzopardi, il-Kap tad-Dipartiment tas-CSR, tal-Bank of Valletta, is-Sur Stefan Decelis, il-President tal-Birkirkara Volleyball Club li huwa wkoll wieħed mill-organizzaturi tal-Maratona tal-Volleyball, is-Sinjura Nadine Camilleri Cassano u s-Sur Tony Sammut, rappreżentanti tad-Dar tal-Providenza, flimkien ma’ atleti Sloveni u l-kapijiet tat-timijiet li se jieħdu parti fil-Maratona tal-Volleyball  ta’ din is-sena.

Għal aktar informazzjoni għal din l-attività tistgħu tikkuntattjaw lis-Sur Nello Calleja fuq [email protected].

Ipparteċipa waqt il-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza

Apparti mill-attivitajiet sportivi, il‑Ġimgħa, s‑Sibt u l‑Ħadd filghaxija, bejn id‑9 ta’ filgħaxija u nofsillejl, se jkun hemm numru sabiħ ta’ kantanti lokali li se jkunu qed ikantaw fuq il‑palk li se jittella’ apposta fil‑parkeġġ tad‑Dar.  Il‑Ġimgħa l‑mistiedna se jkunu l‑band Zone 5 flimkien mal‑kantanti Jasmine u J. Anvil.  Is‑Sibt hija mistiedna l‑Banda tal‑Pulizija taħt id‑direzzjoni ta’ Mro. Anthony Cassar bis‑sehem ta’ kantanti lokali waqt li l‑Ħadd se jkun hemm il‑band ta’ Spiteri Lucas bis‑sehem tal‑kantanti Ludwig Galea, J. Anvil, Ivan Spiteri Lucas u Laura Bruno.

Il‑pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in‑numri li qed nagħtu aktar l‑isfel, juża l‑BOV Mobile Banking jew il‑PayPal jew jagħti donazzjoni online fil‑kontijiet bankarji tad‑Dar.  Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is‑sit : www.sabihlitaghti.org

€10         5160 2011
€15         5170 2012
€25         5180 2013
€50         5190 2070
€100   5130 2044
Pledge Line: 2146 3686
BOV Mobile  7932 4834