-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali tal-Furjana
11 ta’ April 2018“Ħenjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20:29). Din hija l-aħħar beatitudni li nisimgħu fl-Evanġelju. Diversi drabi l-Mulej Ġesù jsemmi l-barkiet: hemm il-barkiet tal-beatitudnijiet fuq il-muntanja, it-tmienja li huma; hemm il-barka li jgħid lil Pietru: “Ħieni int għax mhux id-demm u l-laħam għarrfek dan, imma Missieri” (ara Mt 16:17); hemm l-hena ta’ omm Ġesù: “Ħienja int li emmint dak li qallek il-Mulej” (ara Lq 1:45); u hemm din il-beatitudni li hija l-beatitudni tagħna “Ħenjin dawk li ma rawx u emmnu.”
Aħna ma rajniex lil Ġesù jterraq fid-dinja, ma rajniex il-mirakli tiegħu, ma smajnihx jitkellem. Il-fidi li għandna fih, it-twemmin tagħna, huwa ġej iżjed mis-smigħ milli mill-perċezzjoni diretta ta’ għajnejh. Imma fl-istess ħin, il-Mulej jibagħtilna r-ragħajja tiegħu biex inkunu nistgħu nisimgħuh. Lir-ragħajja tiegħu qalilhom: “Min jisma’ lilkom, jisma’ lili” (Lq 10:16). U għalhekk nistgħu ngħidu li t-twemmin tagħna huwa twemmin mhux ibbażat fuq dak li naraw, imma pjuttost f’dak li smajna. Aħna smajna minn fomm Publiju dak kollu li hu ħa mill-Appostlu Missierna San Pawl. San Pawl seta’ jgħid: ‘Jiena rajtu fit-triq ta’ Damasku u jiena smajt il-leħen tiegħu’. U aħna kellna x-xorti li nisimgħu lil Pawlu u nisimgħu ukoll lil Publiju.
Għażiż Fr Charles, il-providenza bagħtitek, bil-kelma tal-Isqof tiegħek, biex tkun ragħaj f’din il-parroċċa għażiża ddedikata lil Publiju, il-Prinċep ta’ Malta, li bil-kelma tiegħu wasslilna dak kollu li ħa minn Pawlu u li aħna nqimuh bħala wieħed mill-ewwel kapijiet mill-komunità Nisranija fostna. Għalkemm ma ltaqax personalment ma’ Ġesù, Publiju mhux biss sema’ l-kelma ta’ Pawlu imma ra wkoll l-qawwa tal-ispirtu li jfejjaq. Ra wkoll kemm kienet qawwija l-Kelma ta’ Ġesù li, meta fil-Evanġelju ta’ San Mark li se nisimgħuh wkoll fil-festa ta’ San Publiju l-Ħadd li ġej, jagħti l-missjoni tiegħu lid-dixxipli, jgħidilhom: “U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu” (Mk 16, 17-18).
Publiju kien xhud tal-ħelsien tal-Appostlu Pawlu mil-lifgħa kif ukoll kien xhud tal-qawwa tat-tqegħid tal-idejn bit-talb tal-Appostlu u bil-qawwa tal-fejqan f’isem il-Mulej Ġesù. Hu kien wkoll xhieda ta’ din il-qawwa li n-nies kollha tal-gżira li ġabu l-morda tagħhom għand Pawlu biex ifejjaqhom.
Immaġinaw il-ferħ li l-laqgħa li għamel Publiju lil Pawlu, ġabet lil tant familji, il-ferħ li jkollok xi ħadd għażiż marid u dan ifieq f’isem Ġesù Kristu. U nistgħu ngħidu, għażiż Fr Charles, għażiż Arċipriet, li inti għandek dan il-patrimonju kbir ta’ din il-memorja, mhux biss storika imma memorja ta’ fidi, li flimkien mal-poplu għażiż Furjaniż, tant devot ta’ San Publiju, trid tħares, tippromwovi u tgħaddi lill-ġenerazzjonijiet futuri. Il-patrimonju ta’ din ix-xhieda li, għalkemm ma ltaqgħetx direttament ma’ Ġesù, imma hija parti minn dik il-beatitudni, minn dik l-hena ta’ min ma rax imma emmen, ta’ min sema’ imma emmen.
Għażiż Fr Charles, għażiż Arċipriet, jiena nawguralek ukoll, ispirat mill-Evanġelju li għadek kemm qrajtilna, li inti ma tibżax tilqa’ l-istedina ta’ Ġesù li tmidd idejk biex tmiss il-pjagi tiegħu. Il-pjagi ta’ Ġesù llum huma f’dawk ħutna li għaddejjin minn kwalunkwe tip ta’ tbatija. Kull fejn hemm is-solitudni, il-mard, kull fejn hemm bżonn il-fejqan psikoloġiku, fiżiku u spiritwali hemm il-pjagi ta’ Ġesù. Il-Mulej qed jitolbok tnewwel idek lejhom, tmisshom bil-kelma tiegħek tal-faraġ, bil-fidi tiegħek, bl-umiltà naturali tiegħek, bil-ħlewwa tal-karattru tiegħek u tmisshom ukoll bil-ħeġġa pastorali tiegħek. Meta ddur il-familji tal-Furjana, komunità li qed tikber fl-età, u titla’ t-taraġ bit-tama li terġa’ tinżlu, inti ħabbat il-bibieb. Jalla jkollok qlub ġenerużi jilqgħuk f’isem Kristu. Wassal għand il-familji tal-Furjana, l-imħabba ta’ Ġesù.
F’intervista m’ilux, saċerdot staqsewh: ‘Imma min hu Alla?’. Hu rrispondihom b’din l-espressjoni li laqtitni: ‘Alla huwa tgħanniqa’, din il-qawwa li tgħannaq lill-umanità. Alla għandu dan l-għatx li jgħannaqna miegħu u inti trid tkun din it-tgħanniqa ta’ Alla mal-bnedmin. Kull min jiltaqa’ miegħek, iħossu mgħannaq minn Alla u jekk tiftakar din, Fr Charles, jiena mhux biss li nkun kuntent u l-Furjaniżi iżjed minni.
Kelma lill-poplu Furjaniż: nirringrazzjakom talli lqajtu lil Fr Charles u quddiem ommu se ngħidilkom ħudu ħsiebu, mhux hekk Sinjura Cini, taqbel miegħi? Jiena nirringrazzja anke lil omm Fr Charles u lill-familja tiegħu. Kull saċerdot huwa frott il-familja tiegħu bl-esperjenzi mżewqa li lkoll ngħaddu minnhom. U nirringrazzjaw lill-Mulej meta familja mhux biss tagħti lill-Knisja d-don tas-saċerdot imma toffrih mill-parroċċa għall-oħra għas-servizz pastorali.
Nawguralek li tkompli fuq l-arċiprieti ta’ qablek. Hawnhekk hawn ukoll Mons. Richard Borg u tant saċerdoti oħrajn li taw ħajjithom għall-Furjana, li kienet dejjem imżewqa b’vokazzjonijiet. Nawguralek li jkun hawn vokazzjonijiet mill-Furjana. Ovvjament il-lajċi jridu jagħmlu x-xogħol tagħhom li jġibu t-tfal fid-dinja imma u inti tilqagħhom bħala abbatini, bħala żgħażagħ u turihon it-triq tal-Mulej.
Jien nixtieq nirringrazzja lir-rispettabbli Sindku tal-preżenza tagħha u anke tal-qari tal-Iskrittura li qasmet magħna u grazzi wkoll lill-kunsilliera. Ħadt pjaċir nara wkoll il-preżenza sabiħa tal-membri tas-soċjetajiet ċivili b’mod speċjali l-banda; diġà għedtilhom l-ewwel il-Quddiesa il-Ħadd li ġej imbagħad il-każin, kollox f’postu u f’waqtu.
Vorrei dire un grande cordiale grazie, Eccellenza Ambasciatore d’Italia, per la sua cortese prezenza tra di noi oggi. Vogliamo anche portare le nostre preghiere per l’Italia anche per il piccolo terremoto di ieri, ma anche una preghiera per il bel paese, sempre vicino a noi.
Kif tafu, Fr Charles għamel esperjenza sabiħa wkoll l-Italja fid-Djoċesi ta’ Savona, esperjenza li tarrikkixxi ż-żelu pastorali tiegħu. Jiena nirringrazzjakom minn issa ta’ kulma se tagħmlu mal-Arċipriet il-ġdid id f’id għall-ġid ta’ din il-parroċċa għażiża. San Publiju jberikna u jħarisna.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-