****

Direttur:          Trey Edward Shults

Atturi:              Kelvin Harrison Jr., Lucas Hedges, Taylor Russell, Alexa Demie, Renèe Elise Goldsberry, Sterling K. Brown, Clifton Collins,Vivi Pineda, Neal Huff u Bill Wise

Ħin tal-Film:    135 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             15

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  15

Tyler Williams, student popolari ħafna, jinsab jilgħab fit-tim tas-sarar tal-kulleġġ fejn jattendi. Barra mill-ambjent tal-kulleġġ, hu kellu numru ta’ ħbieb u magħhom kien iqatta’ ftit żmien ta’ divertiment. Fosthom kien hemm Alexiis Lopes, il-maħbuba tiegħu. Sfortunatament, Tyler kien iddominat wisq minn missieru Ronald. Spiss kien jitlob minnu li jirsisti aktar kemm fl-iskola kif ukoll fl-isport. Catherine, ommu tar-rispett, kienet titħassru minħabba l-pressjoni li missieru kien jitfa’ fuqu u kienet tappoġġah f’dak li jagħmel.

Disgrazzjatament, Tyler isofri minn Level 5 SLAP tear, iżda hu qatt ma qal xejn lil ħadd. Kien jaf biss it-tabib li kien rah. Kien itaffi l-uġigħ billi jibla pilloli tal-uġigħ li kellu missieru mingħajr ma jgħidlu xejn. It-tabib kien spiss iwissih biex jieħu ħsieb il-ħsara li kellu fi spalltu tant li rrikkmandalu li jagħmel operazzjoni. Tyler iżda ma xtaqx jieħu dan il-parir, sakemm, jum wieħed, waqt logħba tas-sarar spiċċa ħażin meta waqa’ fuq spalltu. B’riżultat, il-ħsara li kellu iggravat wisq. Dan kien ifisser li l-karriera tiegħu fil-logħba tas-sarar, ġiet fi tmiemha.

Ftit jiem wara l-inċident, jirċievi messaġġ mingħand Alexis fejn tgħidlu li kienet ħarġet tqila. Tyler ma kienx lest li jsir missier u għalhekk ħa lil Alexis biex twettaq abort. Iżda meta Alexis tasal  qrib il-klinika, tibdel il-ħsieb u tirrifjuta li tagħmel abort. Riżultat ta’ din id-deċiżjoni, Tyler isir abbużiv u jirrabja ħafna, tant li Alexis xejn ma ħadet pjaċir b’din l-attitudni aggressiva u telqitu dak il-ħin stess f’nofs ta’ triq. Alexis urietu li ma tridx tkun taf  bih aktar.

Tyler min-naħa tiegħu taha għax-xorb u d-droga meta kien ikun ma’ sħabu.  Fil-lejl ta’ attività ġewwa dar,  Tyler fuq l-Instagram jara lil Alexis tippoża ma’ ġuvni. Irrabbjat, Tyler jitlaq mid-dar għalkemm missieru pprova jwaqqfu. Iżda kien kollu għal xejn. Tyler kien determinat li jkun jaf x’qegħda tagħmel Alexis ma’ dak il-guvnott. Ftit qabel ma telaq mid-dar kien ġa xorob mhux ħażin u ma kienx f’qagħda li jikkonfronta lil Alexis kif kien. X’jiġri minn hawn?

Film Amerikan, bi storja traġika għall-familja Williams, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Trey Edward Shults. L-istorja iżda fiha element pożittiv ta’ fidwa u rikonċiljazzjoni. Tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.