Nhar il-Ħamis 25 ta’ Settembru, l- Arċisqof Pawl Cremona jilqa’ lura lill-voluntiera tas-sajf, ġewwa Dar San Vinċenz de Paule. Aktar minn 350 żagħżugħ u żagħżugħa qattgħu il-vaganzi tas-sajf tagħhom f’ħidma volontarja b’riżq persuni fil-bżonn. Il-proġetti varji saru kemm Malta kif ukoll barra; uħud minnhom f’artijiet ‘il bogħod bħall-Indja u l-Mozambique.
Iċ-ċerimonja ta’ merħba ssir kull sena biex tiċċelebra l-esperjenzi individwali tal-voluntiera. It-tema din is-sena, ‘Welcome Home’, tinkoraġixxi lill-parteċipanti biex ikebbsu dan l-ispirtu ta’ servizz. Hekk kif ninsabu fis-sena Ewropea tal-anzjanità attiva u s-solidarjetà inter-ġenerazzjonali, ir-residenti ta’ San Vinċenz de Paule se jiftħu darhom għall-voluntiera żgħażagħ.
Is-serata, li tibda fis-6:30pm, hija maħsuba biex tgħin liż-żgħażagħ jaqsmu l-avventuri tagħhom bejniethom, u mar-residenti tad-dar. ‘Welcome Home’ qed tiġi organiżżata minn InYgo bis-sostenn tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ.