L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Naħseb ħadd minna hawnhekk f’din il-knisja ma jiftakar il-ġurnata tal-magħmudija, għax ħafna minna konna żgħar, u ħafna minn dawn li qed isegwuna wkoll. Imma ġieli attendejna ċelebrazzjoni tal-magħmudija. Fost ir-riti differenti fiċ-ċelebrazzjoni tal-magħmudija, hemm mument minnhom meta l-qassis iqiegħed idu fuq il-widnejn u l-fomm tat-tarbija – xi ħaġa li f’dan iż-żmien tal-pandemija ma nistgħux nagħmluha, minħabba l-miżuri għalissa, imma r-rit normali hu hekk – u jgħid hekk: “Sidna Ġesù, li ta s-smigħ lit-torox u l-kelma lill-imbikkmin, jagħti lilek ukoll il-grazzja li ma ddumx ma tkun tista’ tisma’ b’widnejk il-kelma tiegħu u tilqagħha, u tistqarr bil-fomm il-fidi tiegħek biex tfaħħar u ssebbaħ lil Alla l-Missier.” Dan hu l-kliem li jgħid il-qassis f’dal-mument tal-magħmudija.
Effata
Jekk naħsbu ftit, nindunaw kemm hemm xebh bejn dan u dak li smajna llum fl-Evanġelju skont San Mark, meta lil Ġesù ġabulu wieħed li ma kienx jisma’ u ma kienx jitkellem, u talbuh iqegħidlu idu fuqu. U Ġesù fejqu. Ġesù ġieli fejjaq b’kelma, billi qal kelma biss, imma hawnhekk iqiegħed idu fuqu u jgħidlu: “Effata”, kelma li tfisser “Infetaħ”, u li hi l-istess li hemm proprju fir-rit tal-magħmudija. Għalhekk, meta aħna naraw dan il-miraklu li għamel Ġesù, iktar milli nħarsu lejh biss bħala miraklu fost mirakli oħra li għamel Ġesù – xi ħaġa tal-għaġeb li kienet – naraw ukoll it-tifsira li għandha din il-ġrajja għal ħajjitna. Tfakkarna proprju f’dak li sar fil-magħmudija tagħna, biex aħna nerġgħu nitolbu lill-Mulej din il-grazzja.
L-ewwel nett, nitolbuh li hu jmiss b’idu lil widnejna biex:
Nisimgħu lil Alla u lil xulxin
- Nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, u jkollna widnejna miftuħa għall-kelma tiegħu, u nilqgħuha. Tkun din il-kelma li tmexxina fil-ħajja tagħna, u nagħrfu l-kelma ta’ Alla minn ħafna kliem ieħor, minn ħafna ħsejjes oħra ta’ madwarna li jistgħu jeħduna f’toroq żbaljati. Għalhekk jiftħilna aktar widnejna għall-kelma tiegħu, għax hi l-kelma li tagħtina t-triq, il-verità u l-ħajja.
– Jiftħilna widnejna aktar għal xulxin, biex nidraw nisimgħu aktar lil xulxin. Nafu kemm dan hu bżonn fil-ħajja tagħna, u kemm hawn nies li jgħixu waħedhom li jixtiequ ħafna min jismagħhom. Li tisma’, ħafna drabi, hi att ta’ karità, u ta’ karità kbira. Għalhekk, li nagħrfu kif nisimgħu lil xulxin, u nisimgħu dejjem b’din l-imħabba.
Għalhekk, meta Ġesù jmiss widnejna, jgħinna biex nisimgħu aktar lil Alla u nisimgħu aktar lil xulxin.
Infaħħru lil Alla u ngħidu kliem li jagħmel il-ġid
Għandna bżonn li Ġesù jmiss ukoll fommna:
– biex aħna, bil-fomm tagħna, infaħħru u nsebbħu lil Alla, kif ngħidu fil-magħmudija. Kemm għandna bżonn dan, biex il-kliem tagħna jkun dejjem ta’ tifħir lil Alla! Speċjalment meta l-esperjenza turina madwarna kemm-il darba niltaqgħu ma’ kliem ta’ tkasbir lil Alla. Għandna bżonn li fommna jkollu kliem li jfaħħar lil Alla. Innutaw kif dan ir-raġel, meta Ġesù fetaħlu fommu, l-Evanġelju jgħid li “qabad jitkellem sewwa”. Il-kontra ta’ dan hu “qabad jitkellem ħażin”. Dan ir-raġel qabad jitkellem sewwa, jalla baqa’ dejjem jitkellem sewwa! Importanti li l-kliem tagħna jkun kliem ta’ tifħir lil Alla.
– Ukoll, kliem li jistqarr bla biża’ dak li aħna nemmnu. Aħna ma għandniex nibżgħu nistqarru l-fidi tagħna.
– Ukoll, biex il-kliem tagħna jkun kliem li jagħmel il-ġid, kliem ta’ kuraġġ, kliem li qatt ma jweġġa’. Kliem li dejjem iġib il-ġid.
Għalhekk, innutaw kemm din il-ġrajja tista’ tgħinna, għax tfakkarna li meta Ġesù jmiss widnejn u fommna, jgħinna biex dawn ikunu skont kif irid Alla.
Ħarġu għalih waħdu
Nixtieqkom tinnutaw, li meta Ġesù ġie f’kuntatt ma’ dar-raġel li ma kienx jisma’ u ma kienx jitkellem, ħadu waħdu. Hemm miktub: “ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies”. Għaliex ħarġu waħdu minn qalb in-nies? Għaliex qalb in-nies, qalb il-folla, kultant dak li tisma’ mhux dejjem hu ta’ ġid, u anke l-kliem li jkun hemm qalb il-folla mhux dejjem ikun ta’ ġid. Għalhekk ħadu waħdu biex seta’ jfejqu u jgħinu biex dak li jisma’ jkun sewwa, u dak li jgħid fommu jkun sewwa.
Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja, aħna u nirriflettu fuq dan il-miraklu tiegħu. Niftakru f’dak li sar fil-magħmudija ta’ kull wieħed u waħda minna. Nitolbu lill-Mulej biex jerġa’ jmissilna widnejna u fomma, ħalli aħna nisimgħu aktar il-Kelma ta’ Alla bil-qalb u nisimgħu lil xulxin bl-imħabba; ukoll b’fommna nfaħħru lill-Mulej, nistqarru bla biża’ l-fidi tagħna, u ngħidu dejjem kliem li jkun ta’ ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju