Il-Caritas Malta qed torganizza Wirja tal-Arti fil-Berġa ta’ Kastilja bil-partecipazzjoni tal-artisti ewlenin John Martin Borg, Celia Borg Cardona, Anton Calleja u Andrew Diacono. Il-Prim Ministru Dr. Lawrence Gonzi ser jinawgura l-wirja nhar l-Erbgħa, 27 ta’ Ottubru 2010. Il-Wirja tkun miftuħa għall-pubbliku kuljum mill-4.00 p.m. sat-8.00 p.m. sas-Sibt, 30 ta’ Ottubru, 2010. Is-Sibt tkun miftuha wkoll filgħodu.
L-artisti, li esegwew ix-xogħolijiet tagħhom speċifikament biex jinbiegħu f’din il-wirja, ser jagħtu parti mill-qligħ tagħom lill-Caritas Malta biex jikkontribwixxu lejn l-ispejjeż li din l-organizzazzjoni tagħmel biex tagħti servizzi b’xejn lil persuni f’diffikultà.
Dawn is-servizzi jinkludu d-diversi programmi ta’ riabilitazzjoni mill-użu ta’ droga llegali u counselling lill-familji tagħhom, progammi ta’ edukazzjoni preventiva, servizz imfittex sew ta’ counselling, support groups, servizzi għal persuni anzjani u ħidma ta’ karità fil-komunità permezz tal-Kummissjonijiet Djakonija fil-parroċċi.
Il-Caritas Malta tgħid li l-arti, fid-diversi fororm tagħha, hija l-espressjoni ta’ kif artist jara l-bosta aspetti tal-ħajja f’ħin partikolari, u li din titgħadda minn ġenerazzjoni għal oħra permezz nies ta’ talent kbir. Il-ġenerożità tal-artisti li jgħinu lill-Caritas Malta turi li mad-dedikazzjoni tagħhom lejn l-arti, huma jridu juru wkoll solidarjetà mal-komunità li jgħixu fiha, l-aktar ma’ nies fil-bżonn. Din il-wirja ta’ xogħlijiet tal-arti hija eżempju ħaj ta’ din is-solidarjetà.