L-Oratorji tal-Ġiżwiti qed joffru xahar ieħor t’attivitajiet kulturali li jinkludu taħlita ta’ arti, mużika, storja u filosofija.
Il-Ħadd 2 ta’ Frar, Pietre Vive se jorganizzaw żjarat gwidati fl-Oratorji. Bejn it-3:00pm u s-6:00pm, il-pubbliku jista’ jiskopri dawn l-ispazji storiċi minn perspettivi artistiċi u spiritwali ġodda. Iż-żjarat huma b’xejn u mingħajr reġistrazzjoni iżda l-postijiet huma limitati.
Nhar il-Ħamis 6 ta’ Frar fis-7:30pm, l-Oratorji ser jospitaw kunċert ta’ mużika vokali Franċiża. Is-sopran Valentina Bezzina, il-mezzo-sopran Nicole Vassallo, u l-pjanista Sofia Narmania se jagħtu prestazzjoni li tinkludi xogħlijiet ta’ Bizet, Massenet, Debussy u oħrajn.
Taħdita pubblika dwar l-iżviluppi riċenti fil-filosofija, speċifikament dwar l-etika u l-annimali se ssir nhar il-Ħamis 13 ta’ Frar fis-6:30pm minn Dr Niki Young, lettur tal-filosofija. Dan is-suġġett qed jakkwista dejjem aktar importanza fid-diskors kontemporanju.
Fl-20 ta’ Frar fis-7:30pm, is-sopran Gabrielle Portelli u l-vjolinist Bernard Curmi, akkumpanjati mill-pjanista Maria-Elena Farrugia, se jagħtu kunċert li jinkludi mużika rari, fosthom il-“Four Songs for Voice and Violin” ta’ Gustav Holst.
Għaż-żmien tal-Karnival, se tkun organizzata taħdita speċjali nhar il-Ħamis 27 ta’ Frar fis-6:30pm. Prof. Emanuel Buttigieg se jagħti taħdita dwar l-irvellijiet tal-Karnival tal-1639, meta deċiżjonijiet tal-Gran Mastru Lascaris ħolqu tensjonijiet u qajmu diżapprovazzjoni fost ħafna nies u artisti.
L-avvenimenti kollha se jsiru fl-Oratorji Ġiżwiti f’Valletta u dħul huwa b’xejn iżda kull donazzjoni hija apprezzata. Minbarra l-programm kulturali, ijsiru wkoll liturġiji regolari fl-Oratorji. Għal aktar informazzjoni, tista’ ssib l-Oratorji Ġiżwiti fuq is-social media hawn.