Nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru 2011, l-adolexxenti flimkien mal-Arċisqof ser jiftħu ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Kristu Re permezz ta’ laqgħa msejħa ‘Meeteen’ li se ssir ġewwa l-kumpless tal-Inspire f’Marsaskala bejn is-6.30 p.m. u d-9.00 p.m. L-attivita’ ta’ din is-sena bit-tema ‘X’għandek nieqes?’ ser tgħin l-adolexxenti jiffukaw fuq mistoqsijiet ċentrali dwar il-fidi tagħhom.
Din il-laqgħa annwali ġġib flimkien mijiet ta’ adolexxenti ta’ bejn 12 u 16-il sena. Il-format ta’ ‘Meeteen’ jinbidel kull sena; din l-edizzjoni ser tinkludi programm varjat b’videos, attivitajiet fi gruppi, mużika live u ħin għat-talb. Meeteen 2011 qed jiġi organiżżat minn ‘ACTS’, grupp ta’ volontiera żgħażagħ li jmorru fl-iskejjel biex iwasslu messaġġ Kristjan, bil-ko-ordinazzjoni tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ. Aktar informazzjoni fuq www.kdz.org.mt