L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Kemm hi ħaġa f’waqtha li llum, meta qed niċċelebraw it-tifkira ta’ San Karlu Lwanga u sħabu martri tal-Uganda, nisimgħu lil Ġesù jgħid: “Alla mhux tal-mejtin imma tal-ħajjin”. Għax f’dan il-ftit kliem ġabar dak li għalih għexu u mietu l-martri tal-Uganda. Mietu biex jagħtu xhieda li hu Alla tal-ħajjin.
San Karlu Lwanga u sħabu kienu 22 żagħżugħ li ngħataw il-martirju fl-Uganda lejn l-aħħar ħmistax-il sena tas-seklu 19 (1885-1887). Kienu paġġi mar-re, imma meta r-re ried jikkorrompi l-paġġi tiegħu u jagħmel affarijiet immorali, huma waqfulu. Huma, li qabel kienu pagani u u saru Nsara, riedu jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom, u waqfulu.
Ir-re ta’ dak iż-żmien ra fihom theddida għalih, għall-poter tiegħu mibni fuq ħajja immorali. Ġabarhom flimkien, kienu bejn l-etajiet ta’ 13 u 25 sena, u staqsiehom jekk kinux beħsiebhom jibqgħu sħaħ fil-fidi. Kollha weġbuh: “iva, sal-mewt”. Għalhekk hu, li kien vjolenti, ordna li jittorturawhom u mbagħad jagħtuhom il-martirju bl-iktar mod brutali.
Aħna nemmnu, kif għedna fit-talba, li d-demm tal-martri żerriegħa tal-Insara. Fil-fatt, min ra dak iż-żmien x’għamel ir-re, kien jgħid: dan ftit ieħor jelimina l-fidi Nisranija mill-Uganda! Mhux talli ma ġarax hekk, talli x-xhieda ta’ dawn tat ħafna frott u baqgħet tissaħħaħ il-fidi Nisranija fl-Uganda. Tant hu hekk li llum, fil-post fejn ingħataw il-martirju, Namugongo, hemm knisja kbira, bażilika, u eluf ta’ nies imorru hemmhekk biex jagħtu qima lil dawn il-martri tal-Uganda li taw xhieda tal-fidi tagħhom. Magħhom kien hemm ukoll Anglikani li spiċċaw martri. Dawn ifakkruna li fl-istorja tal-Knisja hemm ħafna martri tul is-snin, u anke fi żmienna: għad hemm nies li huma ppersegwitati u jieħdu l-martirju biex jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom.
Ifakkruna ħafna f’dak li San Pawl qal lil Timotju, smajnieh fit-Tieni Qari llum, meta jgħidlu: “Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba, ta’ rażan.” Għalhekk jgħidlu: “Tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna.” Hekk għamlu dawn, u hekk għamlu tant martri oħra tul is-snin, li ma beżgħux, bil-qawwa ta’ Alla, u taw xhieda; u għadna llum qegħdin ingawdu għax dawn il-martri huma żerriegħa tal-Insara.
X’inhu l-messaġġ għalina llum? Aħna mhux bilfors ngħaddu mill-istess tip ta’ tbatija li għaddew dawn il-martri, aktarx le. Imma l-messaġġ għalina hu biex aħna wkoll ma nibżgħux inkunu xhieda tal-fidi tagħna. Kif qal San Pawl: Tistħi xejn. Nistħu jekk naħbuha mhux jekk nuruha. Għalhekk il-martri tal-Uganda jħeġġuna biex bil-qawwa ta’ Alla nkunu tassew xhieda ta’ Ġesù.
Jgħidulna xi ħaġa oħra importanti. Dawn kienu jaħdmu mar-re, imma meta ġew għal affarijiet ħżiena li ried minnhom, qalulu ‘le’. Kienu jafu li se jitilfu x-xogħol, kienu se jitilfu aktarx ħajjithom, imma baqgħu sodi mal-prinċipji tagħhom, baqgħu sodi fil-fidi tagħhom. Aħna, meta niġu għall-fidi fil-prattika, ma nistgħux nagħmlu kompromessi u nkunu kompliċi fil-ħażen ta’ ħaddieħor biex insalvaw ġildna aħna. Fejn hu ħażin irridu ngħidulu ħażin, inkunu fejn inkunu fis-soċjetà, u nkunu lesti li nbatu. It-triq rebbieħa hi t-triq meta tagħti xhieda tassew tal-fidi, mhux meta ċċedi u tagħmel kompromessi mal-fidi.
Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja, li tiġi mingħandu, biex aħna dejjem, fuq l-eżempju ta’ dawn il-martri u tant oħrajn, nagħtu xhieda tal-fidi tagħna u nagħmlu dan bla biża’ u b’ħafna mħabba, kif urewna huma.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju