L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jmur Ġeriko. Ġeriko huwa post speċjali. L-ewwel nett l-istudjuż jgħidilna li huwa l-eqdem belt li għadha teżisti sal-lum u li fiha għadhom jgħixu n-nies. L-arkeoloġija tgħallimna li l-bniedem kien jgħix f’Ġeriko 11,000 sena qabel Ġesù. Jiġifieri 13,000 sena ilu Ġeriko kien hemm jgħixu n-nies. Ġesù jmur f’dan il-post li jaf l-istorja tal-bniedem. Huwa wkoll post fond ħafna għaliex Ġeriko hi mibnija madwar 300 pied ’l isfel mil-livell tal-baħar. Għalhekk hija l-iżjed belt fonda fid-dinja. Donnu Ġesù, huwa u jżur Ġeriko, irid jasal ukoll fil-qiegħ tal-umanità.
Minn hemmhekk jisma’ għajta: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni” (Mk 10:47). Min qiegħed jgħajjat? Qiegħed jgħajjat xi ħadd imwarrab u li qiegħed fil-ġenb tat-triq. Il-folla tbiegħdet minn Ġesù imma dak ix-xi ħadd jibqa’ jinsisti u jgħajjat għall-ħniena: “Bin David, ikollok ħniena minni” (Mk 10:48). U Ġesù jisma’ u jieqaf.
Għall-bidu l-folla mhux biss biegħdet lil dan l-għama minn Ġesù imma li berkitu ġegħlitu jiskot ukoll — għax aħna nafu l-Evanġelju jgħidilna li din l-għajta kienet l-għajta ta’ wieħed li ma jarax (Mk 10:46) — imma kien sema’ li għaddej Ġesù ta’ Nazaret. Lil dan il-bniedem il-folla qatgħetlu qalbu iżda Ġesù jieqaf u lill-folla jgħidilha: “Sejħulu”. U l-folla timbidel u tgħidlu: “Qiegħed isejjaħlek, agħmel il-qalb, qum” . Dak itajjar il-mantar minn fuqu, jaqbeż fuq riġlejh u jmur ħdejn Ġesù” (Mk 10:49-50).
Aħna, fl-għajta missjunarja tagħna, qegħdin nirrepetu l-kmand li jagħtina Ġesù: “Sejħulu,” sejħulhom. Jista’ jkun li lin-nies li qegħdin ’il bogħod u fil-ġenb tat-triq begħednihom minn Ġesù b’xi kelma iebsa, bl-eżempju ħażin tagħna jew bl-indifferenza tagħna. Imma Ġesù ma jgħidilniex li aħna m’aħniex tajbin jew li qed ninkwetawh iżżejjed. Le, jgħidilna: “Sejħulhom”. Jagħtina missjoni speċjali. Nistgħu ngħidu li l-Knisja hija missjunarja għaliex irċeviet dan il-kmand għażiż ta’ Ġesù li ssejjaħ lin-nies. Dun Andrew Borg (ir-rettur tas-Santwarju tas-Samra) iħobb jirreferi għalihom bħala dawk fil-periferija; jipprova jirrepeti anke dak li jgħid il-Papa Franġisku “ħafna nies fil-periferija” li qegħdin ma’ ġenb it-triq. Anzi, ngħidlulhom oqgħodu kwieti, kemm intom raskom iebsa, tkomplu tagħjtu biex jiġi Ġesù jħenn għalina.
Ġesù jieqaf u jisma’ dik l-għajta. Dak kollu li jsir minn Missio Malta u minn tant gruppi madwar id-dinja, u mill-missjunarji tagħna Maltin u Għawdxin li qegħdin barra minn gżiritna, ngħidulhom: “Agħmlu l-qalb, qumu. Il-Mulej qiegħed isejħilkom”.
Meta ma nitkellmux bejnietna allura muti, meta ma nisimgħux lil xulxin allura torox, meta ma narawx lil Ġesù fil-proxxmu tagħna allura għandna għamad m’għajnejna.
Ġesù jidħol fi djalogu ma’ dan l-għama: “Xi tridni nagħmillek?” (Mk 10:51). Ġesù llum qed jagħmel din il-mistoqisja lili u lilek. Imma aħna, biex inkunu nistgħu nidħlu f’dan id-djalogu, x’għandna bżonn? M’għandniex bżonn inkunu qaddisin; dak jiġi biż-żmien u bil-paċenzja. Imma għandna bżonn nagħrfu li għandna bżonnu. Dak l-għama ma ordnax lil Ġesù biex jerġa’ jara, iżda qallu: “Bin David, ikollok ħniena minni!” (Mk 10:48). Hija kelma li nistgħu ngħiduha lkoll għax il-Mulej jafna: min jogħtor minn hawn, min iżaqżaq minn hemm, min ma jarax, min ma jismax. U mhux qed nitkellem biss fiżikament imma anke fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Meta ma nitkellmux bejnietna allura muti, meta ma nisimgħux lil xulxin allura torox, meta ma narawx lil Ġesù fil-proxxmu tagħna allura għandna għamad m’għajnejna. Għax il-mard mhux biss fiżiku imma spiritwali wkoll. Ħenn għalina, Mulej. “Xi trid nagħmillek? “ (Mk 10:51).
Jiena x’għandi bżonn mingħand il-Mulej? Kif jista’ jkun salvatur tiegħi l-Mulej? Isem Ġesù hekk ifisser: Alla jsalva. U dak jgħidlu: “Li nerġa’ nara, rabbuni” (Mk 10:51). Kemm hu sabiħ dan it-titlu! L-ewwel jgħidlu ‘Bin David’ imma mbagħad ma jgħidlux ‘rabbi’ jew ‘imgħallem’, imma ‘imgħallem tiegħi’. Mhux iben, ibni. Aħna wkoll bil-lingwa tagħna, meta nżidu s-suffiss ‘-ni’ jiġifieri tiegħi, rabbuni, mgħallem tiegħi, “Li nerġa’ nara”. Anke għaliex il-Mulej jiftħilna għajnejna bit-tagħlim u mhux biss bil-qawwa tiegħu li jfejjaq.
Nieqaf billi noffri riflessjoni fuq dan li għamel Bartilmew. Malli l-komunità f’isem Ġesù sejħitlu u qaltlu “Agħmel il-qalb, qum, qiegħed isejjaħlek” (Mk 10:57). X’għamel Bartilmew? “Dak tgħajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù” (Mk 10:50). X’inhuwa l-mantar għall-bniedem għama li m’għandux biex jgħix fit-tarf tat-triq? Huwa l-kenn tiegħu, nistgħu ngħidu l-comfort zone tiegħu, is-sigurezza tiegħu. Fil-fatt l-lskrittura tgħid li jekk inti tirgħa l-mantar ta’ ħuk, bil-lejl roddulu biex ikun jista’ jkollu l-għata għal mal-lejl mis-sirda tal-lejl. Il-mantar huwa dak kollu li jagħtina sigurezza. Dan, kif sejjaħlu Ġesù, nesa kollox u mar ħdejh.
Min jaf kemm missjunarji ħallew il-mantar tagħhom biex ikunu ħdejn Ġesù li qiegħed ’il bogħod. Illum irridu niftakru fihom. Irridu niftakru f’dik l-omm u dak il-missier li jmur fil-kamra tat-tifel jew tat-tifla u jiftakar li ibnu/bintu qegħdin il-missjoni biex ixandru ’l Ġesù, u fil-gwardarobba jaraw il-mantar ta’ wliedhom. Imma mhux qegħdin hawn, qegħdin ’il bogħod iħabbru l-Bxara t-Tajba. Illum se ngħinuhom b’dik ix-xi ħaġa żgħira? Tgħidli: “Issa jiena din il-munita żgħira biss għandi!” Kull qatra tgħodd. Imma t-talb tagħna huwa dover tagħna.
Niftakru fil-missjunarji tagħna, dawk li telqu l-mantar id-dar u marru fejn bagħtithom l-ubbidjenza biex ixandru lil Ġesù, biex ikunu ħdejn Ġesù li hu preżenti fil-fqir, dak li qiegħed f’ġenb it-triq, dak li għandu l-għatx għall-ħniena tal-Mulej. Dan dejjem mingħajr ma ninsew lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna fostna, imma dawk aħna nagħmluh ħafna drabi fis-sena. Illum naħsbu f’ħutna li biex ikunu ħdejn Ġesù ħallew il-mantar hawnhekk f’Malta u Għawdex u telqu għax il-Mulej sejħilhom.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġer 31:7-9
Salm: 125(126):1-2ab,2ċd-3,4-5,6
Qari II: Lhud 5:1-6
Evanġelju: Mk 10:46-52