L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tela’ fuq l-għolja” (Mk 3:13). Hekk naqraw illum fl-Evanġelju skond San Mark. Ġesù tela’ fuq l-għolja biex hemmhekk jagħżel it-tnax. Aħna nafu li Ġesù kemm-il darba tela’ fuq għolja jew fuq muntanja biex jitlob, u l-għolja hija l-post speċjali fejn Alla juri lilu nnifsu jew jagħti messaġġ speċjali – din narawha fl-Iskrittura. Hawnhekk Ġesù tela’ fuq l-għolja biex jagħżel it-tnax.
Nixtieq naraw id-deskrizzjoni qasira u sabiħa ta’ San Mark fuq kif jagħżel dawn it-tnax. L-Evanġelju jgħid: “sejjaħ lejh lil dawk li ried” (Mk 3:13). Mela, mhux sejjaħ lejh lil dawk li kellu bżonn, jew sejjaħ lejh lil nies minn xi stat partikulari, imma lil dawk li ried. Hija sejħa magħmula bil-libertà, u li tistenna risposta libera. Fil-fatt, l-Evanġelju jgħid: “huma resqu lejh” (Mk 3:13).
Imbagħad għażel it-tnax, li semmiehom appostli, u nixtieqkom taraw il-missjoni li jagħti lil dawn l-appostli. L-ewwel waħda hi: “biex jibqgħu miegħu” (Mk 3:14). Mela l-enfasi mhijiex l-ewwel fuq il-ħidma, imma l-ewwel hi l-għaqda miegħu – li huma jkunu viċin ta’ Ġesù u hu viċin tagħhom, li huma jistgħu jibqgħu tassew qrib tiegħu biex jixorbu mill-ispirtu tiegħu u jirċievu l-imħabba tiegħu. Fil-fatt, fl-Aħħar Ċena, Ġesù hekk jgħid lill-appostli: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15:9). Dan huwa messaġġ importanti għalina wkoll li nissieħbu fl-appostolat, biex niftakru li l-ewwel ħaġa importanti hi li nibqgħu miegħu, qrib tiegħu, viċin tiegħu, ħalli nimtlew bl-imħabba tiegħu u bl-ispirtu tiegħu li mbagħad jagħtina l-qawwa għall-ħidma.
Wara li jsemmi “biex jibqgħu miegħu”, San Mark jgħid ukoll: “biex jibgħathom jippritkaw u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten” (Mk 3:14-15). Hawnhekk qed isemmi żewġ affarijiet importanti fil-ħidma tal-appostli, tal-Knisja: li jippridkaw, iwasslu l-kelma ta’ Alla, u jwassluha bħala l-Aħbar it-Tajba, u jagħmlu dan dejjem u jagħmlu dan bil-qawwa; u li jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten, jiġifieri ħidma kontra l-ħażen, kontra x-xitan li jiżra l-ħażen fil-qalb tal-bniedem. Għalhekk huma jkollhom is-setgħa biex ma jħallux lil min ikun vittma tax-xitan. Hi importanti għalina lkoll li nissieħbu f’dan l-appostolat, li aħna niftakru fil-missjoni li tana l-Mulej li nwasslu l-Aħbar it-Tajba, u li naħdmu kontra l-ħażen. Speċjalment niftakru li l-mod kif jaħdem ix-xitan hu bil-qerq: billi ħaġa ħażina jġinġihielek bħala xi ħaġa sabiħa. Għalhekk noqogħdu attenti ħafna biex ma nkunux vittmi tiegħu, vittmi tal-ħażen.
Imbagħad żgur jolqotna kif Ġesù għażel lit-tnax – nies ta’ ħajja mill-aktar ordinarja. Ma għażilx nies partikolarment ta’ intelliġenza kbira, jew nies ta’ xi stat speċjali ta’ responsabbiltà kbira fis-soċjetà. Għażel nies ta’ ħajja ordinarju, nies ta’ kwalitajiet differenti u ta’ karattru differenti. Hawnhekk isemmi isimhom, xi wħud minnhom anke bil-laqam. Fl-aħħar ta’ din il-lista hemm l-isem ta’ Ġuda l-Iskarjota, “dak li ttradih” (Mk 3:19). Ara kemm San Mark jgħid l-affarijiet ċari. Ma ppruvax jaħbi li wieħed milli għażel Ġesù kien dak li ttradih. Jgħidilna ċar u tond “dak li ttradih”. Ġesù ma għażlux biex jittradih; għażlu biex jagħtih l-opportunità li jkun bħall-appostli l-oħra: qrib tiegħu u b’missjoni. Hu ftit misteru kif Ġesù, li jagħraf il-qalb tal-bniedem, għażel lil dan. Imma għalina llum, in-nies li għażel Ġesù huma ta’ ispirazzjoni kbira anke għall-mod kif inħarsu lejn il-Knisja. Għax il-grupp li għażel Ġesù biex minnu jifforma l-Knisja ma kienx grupp ta’ nies ideali; imma ta’ nies midinbin li lestu jħallu lil Ġesù jsalvahom. Aħna wkoll illum – il-Knisja mhijiex magħmula minn nies ideali, minn nies perfetti, imma bħal dawn nies midinbin u nħallu lil Alla jagħtina l-grazzja biex isalvana.
Nitolbu lill-Mulej, aħna u niċċelebraw dawn l-appostli tiegħu, din l-għażla li għamel hu, biex aħna wkoll inwieġbu għas-sejħa li nieħdu sehem fl-appostolat, fil-missjoni tagħhom billi l-ewwel nett nibqgħu miegħu, qrib tiegħu, mimlijin bl-imħabba tiegħu; u li nkunu lesti wkoll inxandru l-kelma tiegħu bil-qawwa, bl-imħabba; u li naħdmu kontra l-ispirtu tax-xitan, l-ispirtu tal-ħażen, li jbiegħed lin-nies minn Kristu s-Salvatur.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju