L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Żgur li ħadd minna ma jlum lil Marta li lmentat ma’ Ġesù, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Luqa llum, li x-xogħol li kellha tagħmel id-dar waqa’ fuqha biss, u oħtha, li kienet hemm, ma kinitx qed tgħin. Qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!” (Lq 10:40) Nifhmuha, għax kultant jiġri hekk, anke fil-ħajja tal-familja. Nisimgħu dan l-ilment: kollox waqa’ fuqi, ix-xogħol kollu, ħadd ma jgħin, ħadd ma jmidd idu biex jgħin!
Ried min jisimgħu
Imma x’kienet qed tagħmel Marija? L-Evanġelju jgħid li Marija “niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid” (Lq 10:39). Mela proprjament Marija mhux baqgħet gallerija, jew skartat ix-xogħol; imma li għamlet kien, li meta Ġesù ġie għandhom, u l-Evanġelju jgħid li “laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta” (Lq 10:38) – jiġifieri kienet Marta li laqgħetu – filwaqt li Marta bdiet tagħmel ħafna xogħol meħtieġ, Marija niżlet f’riġlejh tisimgħu x’kien qiegħed jgħid.
U x’għamel Ġesù? X’kienet ir-reazzjoni ta’ Ġesù? Flok lil Marta taha raġun, u qal lil Marija “għinha naqra ħalli x-xogħol li għandkom, tlestuh”, qalilha: “Int taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa” (Lq 10:41-42). Nixtieq li mmorru fl-iktar ħaġa essenzjali hawnhekk: li Ġesù, meta ġie f’din id-dar fejn kienu jgħixu Marta u Marija, ried min jisimgħu. Marija niżlet f’riġlejh tisimgħu, u Marta li kellha ħafna xogħol x’tagħmel – forsi biex tipprepara xi ħaġa għalih stess – bdiet tagħmel ħafna xogħol. Ġesù jgħid: “Marija għażlet l-aħjar sehem u ma jitteħdilhiex” (Lq 10:42).
Nisimgħu lilu
Ma hemmx fl-Evanġelju r-reazzjoni ta’ Marta, ma nafux x’qalet imbagħad, imma żgur li jekk ma fehmitx dakinhar, fehmet aktar ’il quddiem il-messaġġ importanti li ried jagħti Ġesù. Qed jgħid li l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu, u l-iktar ħaġa importanti, hi li nisimgħuh. Li aħna nagħmlu bħalma għamlet Marija: nisimgħuh, nisimgħu x’jgħid. Nisimgħuh meta ninġabru fit-talb, speċjalment fis-skiet – għax hu jkellimna fis-skiet ta’ qalbna – nisimgħuh meta naqraw il-kelma tiegħu. L-iktar ħaġa importanti hi li nisimgħuh.
Meta nisimgħu lil xulxin, imbagħad inkunu nafu aħjar x’għandna nagħmlu, u l-ħidma tagħna tkun riżultat tas-smigħ u mhux minflok is-smigħ.
Meta nisimgħuh, hu mbagħad jurina x’għandna nagħmlu, għalxiex għandna nirsistu, kif għandna naħdmu, b’liema spirtu għandna naħdmu, u jurina dak li hu l-aktar importanti fil-ħajja. B’dak il-mod ix-xogħol ikun frott is-smigħ, mhux jieħu post is-smigħ.
Dan hu messaġġ importanti għalina, ibda minna s-saċerdoti, u dawk kollha wkoll li jkunu jgħinu fil-knisja stess, li jagħmlu ħafna xogħol. Għandna tant nies li b’qalb kbira jaħdmu fil-knisja, jippreparaw, jagħmlu ħafna xogħol. Li qed jgħid Ġesù hu li l-ewwel irridu nisimgħuh. Mhux li naħdmu għalih jiġi l-ewwel, anke x-xogħol magħmul għalih, bħalma nagħmlu aħna s-saċerdoti, għax aħna għalih qed naħdmu. L-ewwel nisimgħuh. Wara li nisimgħuh, ix-xogħol ikun frott ta’ dan is-smigħ. Imbagħad nintebħu kemm ix-xogħol ikollu valur ikbar għax ikun frott ta’ dan is-smigħ, wara li nkunu smajna lilu. Imma l-ewwel nisimgħuh. Dan hu messaġġ għalina lkoll li nemmnu, li l-aktar ħaġa importanti, jiġifieri minn fejn għandna nitilqu, hi li nisimgħu lil Ġesù, nisimgħu l-kelma tiegħu, inħalluha tinżel f’qalbna, imbagħad il-ħidma tkun riżultat ta’ dan is-smigħ.
Nisimgħu lil xulxin
Dak li qed jgħid Ġesù jgħodd ukoll għall-ħajja tagħna flimkien. Hawnhekk Ġesù ried min jisimgħu, imma kemm hu importanti anke għall-ħajja tagħna flimkien, li nisimgħu lil xulxin. L-ewwel ikun li nisimgħu, ibda mill-ħajja tal-familja: li l-ġenituri jisimgħu lil uliedhom, u l-ulied lill-ġenituri. Kultant ikun hemm min jgħidlek: jien ix-xogħol kollu li qed nagħmel, kollu għalihom, għalhekk qed nirsisti. Veru, imma l-ewwel importanti li tismagħhom. Imbagħad, meta tismagħhom, tkun diġà qed tara dak li hu l-aktar importanti għalihom. Hawn tant anzjani, pereżempju, li jinsabu waħedhom, jew anke jgħixu ma’ oħrajn imma jħossuhom waħedhom, għax jixtiequ min jismagħhom. L-ewwel bżonn tagħhom hu min jismagħhom, u l-akbar karità kultant, l-akbar att ta’ mħabba magħhom, hi li tismagħhom.
Meta nisimgħu lil xulxin, imbagħad inkunu nafu aħjar x’għandna nagħmlu, u l-ħidma tagħna tkun riżultat tas-smigħ u mhux minflok is-smigħ.
Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-kelma tiegħu; nitolbuh l-ewwel nett li nisimgħuh, li aħna fis-skiet inħalluh ikellimna f’qalbna, u biex dak li nagħmlu jkun frott ta’ dan is-smigħ. U nitolbuh ukoll biex fil-ħajja tagħna flimkien, aħna jkollna l-kapaċità li nisimgħu lil xulxin b’qalb miftuħa, ħalli l-ħidma tagħna, dak li nirsistu għalih biex nagħmlu l-ġid, ikun frott ta’ dan is-smigħ.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju