Chiara Badano

Chiara Badano kienet żagħżugħa moderna: kienet tħobb tkanta, tiżfen, tilgħab it-tennis, fost ħafna affarijiet oħra, sakemm il-marda tal-kanċer serqitilha ħajjitha fl-eta ta’ 18-il sena. Is-Sibt 25 ta’ Settembru – jum speċjali li matulu f’ċerimonja preseduta mill-Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin, il-Kardinal Angelo Amato, f’isem il-Papa, Chiara se tkun beatifikata. Chiara kienet membru tal-Moviment tal-Fokolari mwaqqaf fl-Italja minn Chiara Lubich fl-1943.

Is-Sibt ukoll, eluf ta’ membri ta’ dan il-moviment fl-awla Pawlu VI fil-Vatikan jiċċelebraw l-ewwel beatifikazzjoni ta’ xi ħadd mill-moviment tagħhom. Il-Ħadd fl-10.10am, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone, joffri quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Bażilika ta’ San Pawl Barra s-Swar.

It-twelid u ż-żgħożija

Wara 1-il sena żwieġ, Ruggero u Maria Teresa Badano, waslitilhom bil-ferħa l-ewwel u l-unika binthom, it-tarbija Chiara, imwielda fid-29 t’Ottubru tal-1971, fil-villaġġ ċkejken ta’ Sassello fir-reġjun tal-Liguria fl-Italja ta’ Fuq. Fl-1981 skopriet il-Moviment tal-Fokolari. Fi kliem il-Viċi-Postulatur tal-kawża għall-beatifikazzjoni tagħha, Maria Grazia Magrini, “kienet tpoġġi lil Ġesu l-ewwel fil-ħajja tagħha. Kienet issejjaħlu l-għarus tagħha”. Fi tfulita kienet tħobb tilgħab, tgħum u tmur ħdejn il-muntanji. Kienet tipprova tisma quddies kuljum.

Darba, waqt li kienet tilgħab, kienet ħaset uġigħ qawwi li wara investigazzjoni mit-tobba irriżulta f’kanċer fl-għadam. Dan wassalha għal visti spissi fl-isptar u uġigħ ma jaqta’ xejn li kienet toffrih lil Ġesu. Intervent fuq ġisimha ma kienx suċċess tant li tilfet ukoll is-saħħa f’riġlejha. Sadattant kienet tinstema tgħid li li kiekeu kellha tagħżel bejn ritorn tas-saħħa f’riġlejha u li tmur il-ġenna, tagħmel l-aħħar għażla. Jingħad li lanqas ma kienet tgerger jew tibki. Kienet titħejja għall-mument tal-mewt – il-laqgħa tagħha ma’ Ġesu. Ħejjiet saħansitra l-organizzazzjoni tal-funeral tagħha stess. Hija mietet nhar is-7 t’Ottubru 1990. L-aħħar kelmiet tagħha lil ommha kienu, “kun ferħana, għax jien ferħana”.

Aktar fis-sit tagħha tal-internet: http://www.chiaralucebadano.it/index.php?lang=en