Bejn il-5 u l-11 t’Awwissu, iż-ŻAK organizzat l-ikbar attività annwali tal-għaqda, ‘Kamp Sajf’ fl-iskola St. Thomas More, f’Santa Luċija, fejn ipparteċipaw iktar minn 100 persuna. Bl-isem ta’ “Biż-żejjed, biżżejjed?” din is-sena il-kamp itratta t-tema ta’ kif m’aħniex insibu l-kuntentizza fl-abbundanza ta’ affarijiet, opportunitajiet u esperjenzi li toffrilna d-dinja.
Waqt Kamp Sajf, il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jirriflettu fuq is-soċjetà u fuq kif qegħdin nintilfu f’ħafna superfiċjalità u materjaliżmu. Għalkemm l-affarijiet tad-dinja mhux neċessarjament ħżiena, li ngħixu għalihom biss qed tħalli impatt negattiv fuq l-individwi u r-relazzjonijiet tagħna man-nies u l-ambjent ta’ madwarna. Dan iwassal sabiex infittxu li naqtgħu l-għatx eżistenzjali billi nqisu r-relazzjonijiet, il-karriera, il-flus u l-ġid materjali bħala l-milja ta’ ħajjitna u naħsbu li se jġibulna ħelsien u sodisfazzjon.
Waqt Kamp Sajf, iż-żgħażagħ kellhom l-opportunità li jiżviluppaw il-fidi tagħhom b’ispirazzjoni mill-eżerċizzji spiritwali ta’ San Injazju filwaqt li jirriflettu fuq is-sinifikat tal-ħajja ta’ kuljum u dak li jixtieq Alla minn ħajjithom.
Din is-sena intagħżlet is-silta minn Ġwanni 8:31-32 bħala t-tema tal-kamp: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.”
Sors: Il-Leħen