L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Qisha żerriegħa tal-mustarda” (Mk 4:31). Dan hu l-kliem li juża Ġesù fl-Evanġelju skont San Mark illum meta jitkellem fuq is-Saltna ta’ Alla. Fiż-żewġ parabboli li jgħid, fit-tnejn li huma hemm din “iż-żerriegħa”. Mal-ewwel jolqtok kif Ġesù, biex jispjega s-Saltna ta’ Alla, li hi xi ħaġa kbira, jitkellem fuq iż-żerriegħa.
Huwa kliem li lilna għandu jagħtina ħafna inkoraġġiment. Għax hawnhekk Ġesù qed jitkellem fuq il-ħajja tagħna Nisranija, u wkoll fuq il-ħajja tal-komunità Nisranija li hija l-Knisja. Ħa nsemmi tliet punti marbutin proprju ma’ din it-tixbieha li juża Ġesù taż-żerriegħa.
L-ewwel ħaġa jgħid “żerriegħa tal-mustarda” u qabel jitkellem fuq żerriegħa oħra. Qed jitkellem dejjem fuq xi ħaġa żgħira li meta taraha, qisha insinifikanti. Anzi, żerriegħa tal-mustarda, kif jgħid hu, hi “l-iċken fost iż-żrieragħ kollha” (Mk 4:31). Mela meta Ġesù jitkellem fuq is-Saltna ta’ Alla, qed jgħid fuq xi ħaġa żgħira. Hawn mal-ewwel hu kliem ta’ għajnuna għall-ħajja tagħna. Qed jgħid: meta nitkellmu fuq is-Saltna ta’ Alla, ma għandniex naħsbu f’affarijiet kbar, xi ħaġa li tolqot l-għajn, li tagħmel ħafna storbju. Imma naħsbu fuq l-affarijiet iż-żgħar tal-ħajja ta’ kuljum. Meta tagħmel il-ġid, xi ħaġa żgħira, tkun qisha żerriegħa li qed tiżragħha u ’l quddiem tagħmel il-frott. Huma dawn l-affarijiet iż-żgħar – kelma ta’ ġid, kelma ta’ inkoraġġiment, attenzjoni li persuna tismagħha. Dawn l-affarijiet li nistgħu nagħmlu fejn inkunu qed ngħixu l-Evanġelju u ngħinu biex tikber is-Saltna ta’ Alla bl-affarijiet iż-żgħar; speċjalment, fejn tidħol l-edukazzjoni u l-formazzjoni tat-tfal, tal-adolexxenti, taż-żgħażagħ, kif ifakkarna llum San Ġwann Bosco. Huma l-affarijiet iż-żgħar magħmulin b’imħabba, b’ġenerożità, b’impenn – anke meta jidhru affarijiet sinifikanti. Imma għandhom valur kbir.
It-tieni punt, Ġesù jgħid: “rieqed jew imqajjem, bil-lejl jew bi nhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif” (Mk 4:27). Iż-żerriegħa tikber fejn ħadd ma jaraha. Jiġifieri taħt l-art, fil-ħamrija. Iż-żerriegħa ma tgħidlekx: arani qed nikber, ħares lejja qed nikber, ara kif qed niżviluppa. Le, fis-skiet, fil-kwiet. Ħafna mill-ħidma ta’ ġid fis-Saltna ta’ Alla jsir proprju hekk, b’mod li aħna qisna għall-bidu ma narawhx. Imma qed isir fis-skiet u fil-kwiet. Għaliex? Għax hu Alla li jkabbar, mhux aħna. Aħna ngħinu biex iż-żerriegħa tikber billi nipprovdu l-ambjent, bħal meta nsaqqu, imma huwa Alla li jkabbar. Ikabbar is-Saltna ta’ Alla ħafna drabi bil-ħidma li ssir fis-skiet u fil-kwiet, kultant bla ħadd ma jinduna, imma effettiva.
Imbagħad hemm punt ieħor meta jgħid li joħroġ il-frott minn din iż-żerriegħa. Hemmhekk li aħna nintebhu kemm kienet effettiva ż-żerriegħa – meta tħalli l-frott. U nafu kemm frott isir fil-ħidma tagħna personali, tal-ħajja tagħna, imma anke fil-ħidma tal-komunità, fil-ħidma tal-Knisja. Hemm ħafna frott tajjeb. Aħna kultant jolqotna dak li hu ħażin, anke għax dan nisimgħu bih jew naqraw fuqu, imma kemm tajjeb isir! Kemm frott tajjeb joħroġ, bil-ħidma li ssir b’dan l-ispirtu – ta’ żerriegħa li int qed tiżragħha u tikber! Kultant lanqas tara l-frott ta’ dak li tkun żrajt, imma hemm ikun, u jkun tassew ta’ ġid fis-Saltna ta’ Alla. Meta aħna qed nagħmlu llum it-tifkira ta’ San Ġwann Bosco, proprju b’dal-mod li ħadem San Ġwann Bosco, u ħalla ħafna frott. U llum narawh – naraw il-ġid li għamel mill-frott li ħalla, mill-impenn tal-Kongregazzjoni li hu waqqaf, fil-ħidma maż-żgħażagħ. Hekk issir il-ħidma – bħal żerriegħa li ssib ħamrija tajba u ’l quddiem tagħti l-frott.
Nitolbu llum lill-Mulej biex aħna jkollna dan l-ispirtu. Fil-ħidma kollha tagħna li nagħmlu, ikollna tassew dan l-ispirtu li jsemmi Ġesù hawnhekk: li aħna l-ġid li nagħmlu qed nagħmluh bħal żerriegħa f’ħamrija li Alla jkabbar u li tagħti l-frott. Imma dak hu f’idejn Alla. Importanti li aħna nagħmlu l-ħidma tagħna b’dedikazzjoni, b’ġenerożità, b’impenn, u b’fiduċja sħiħa f’Alla li joħroġ il-frott anke mill-isforzi dgħajfa tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju