Żewġ reliġjużi Maltin, Br Martin Borg fsc u Patri Donat Spiteri OFM Cap, ingħataw il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika waqt ċerimonja li matulha 19-il personalità ngħataw rikonoxximent għall-ħidma tagħhom b’risq is-soċjetà Maltija.
F’Jum ir-Repubblika, il-President George Abela onora 19-il persona: żewġ Uffiċjali Onorarji u sitt Membri fl-Ordni Nazzjonali tal-Merti, persuna ngħatat il-Midalja għall-Qlubija u għaxar personalitajiet ingħataw il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.
Minħabba li Patri Donat jinsab indispost, il-midalja tiegħu inġabret min-neputija Anna Spiteri, li f’kummenti lil IL-ĠENSillum online fissret li kif sar jaf li ngħata dan il-ġieħ, ħa pjaċir ħafna u “tgħidx kemm feraħ… barra li kien sorpriż ħafna”.
Br Martin, min-naħa tiegħu spjega li qatt ma stenna dan l-unur: “Min bħali jkun ta servizz lill-komunità Maltija għal dawn l-aħħar 50 sena, l-uniku sodisfazzjon li jieħu jkun dak li jara li joħroġ il-ġid mill-inizjattivi li jkun ħa. Bħala reliġjuż, jien dejjem kont ta’ servizz għall-oħrajn u m’għandi qatt nistenna apprezzament, jekk mhux il-frott li joħroġ mill-inizjattivi li nieħdu,” huwa qal, waqt li rringrazzja lill-Brothers l-oħra. Hu fakkar ukoll li l-Brothers ilhom 100 sena jagħtu “servizz impekkabbli fil-qasam tal-edukazzjoni” f’Malta.
Huwa ddeskriva l-emozzjonijiet tiegħu waqt li l-President tah dan ir-rikonoxximent bħala ta’ “kuntentizza u apprezzament kbir”. “Ġibt quddiem għajnejja lill-ġenituri tiegħi, lil ħuti, lil sħabi l-Brothers u lil dawk kollha li ħadmu miegħi tul dawn l-aħħar 50 sena, mhux biss fil-qasam edukattiv, iżda anki dawk li ħadmu miegħi fil-qasam sportiv u filantropiku,” huwa qal. “Dan għax jien konvint li din il-midalja ngħatat lili anki grazzi għall-kontribut ta’ dawn f’oqsma differenti”.
Biex tkun taf aktar dwar din l-istorja, żur is-sit www.il-gensillum.com jew agħfas hawn.