Nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Novembru 2012, l-Arċisqof Pawl Cremona O.P. mexxa ċelebrazzjoni Ewkaristika li fiha żewġ seminaristi ingħataw il-Ministeru tal-Akkolitat. Iċ-ċelebrazzjoni saret fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl, ir-Rabat, fis-6 p.m.
Iz-żewġ seminaristi, li jinsabu fis-sitt sena tal-formazzjoni tagħhom fis-Seminarju tal-Arċisqof huma Luke Cutajar mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat u Brian Gialanzè mill-Parroċċa ta’ San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa.
L-għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat immarka pass ieħor importanti fil-mixja ta’ dawn iż-żgħażagħ lejn is-saċerdozju. Bħala akkoliti se jingħatalhom l-uffiċċju li jgħinu lis-saċerdot u lid-djakni fil-qadi tal-ministeru tagħhom waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, iqarbnu lil ħuthom Insara fosthom ukoll lill-morda, jitħeġġu fl-imħabba personali tagħhom lejn l-Ewkaristija, u fuq kollox jgħixu b’mod li jkun jixirqilhom iservu fil-mejda tal-Mulej u tal-Knisja.
Il-Komunità tas-Seminarju tħeġġeġ lil kulħadd jitlob biex il-Mulej jkompli jbierek lil dawn is-seminaristi u biex iktar żgħażagħ iwieġbu għas-sejħa tal-Mulej billi jimxu warajh fil-ħajja saċerdotali u reliġjuża.
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]