Nhar it-Tlieta, 29 ta’ Ottubru 2024, żewġ sorijiet Kattoliċi Maltin ġew mistiedna fl-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Santa Margerita ta’ Verdala, Bormla biex jaqsmu l-esperjenza ta’ ħajjithom mal-istudenti tal-lezzjoni tar-Reliġjon. Iż-żewġ sorijiet, Sr Claudia Pace u Sr Ninette Deguara huma żewġ membri tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Agostinjani, Qaddejja ta’ Ġesù u Marija.
Sr Claudia Pace hi school chaplain, u Sr Ninette Deguara bħalissa qed tokkupa r-rwol ta’ deputat kap. It-tnejn iservu fl-iskola tal-Knisja ta’ Santa Monika, Malta. Waqt is-sessjoni taghhom fil-Kulleġġ Santa Margerita, l-istudenti staqsew mistoqsijiet diversi u raw filmat dwar il-missjoni ta’ kuljum tas-sorijiet Agostinjani f’Malta u Għawdex. Sr Ninette stiednet lill-istudenti biex jgħixu ħajjithom bis-sħiħ u jfittxu opportunitajiet fil-ħajja li jagħmluk ferħan u fejn tista’ teżerċita l-potenzjal kollu tiegħek. Sr Claudia stiednet lill-istudenti biex ifittxu s-sempliċità fil-ħajja u jimxu wara Ġesù li joffrilna tama u dawl fil-hajja ta’ kuljum.
Il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Agostinjani, Qaddejja ta’ Ġesù u Marija twaqqfet fi Frosinone, l-Italja fl-1827 minn Maria Teresa Spinelli li ħasset is-sejħa biex tiftaħ l-ewwel skola tal-Kunsill għall-bniet f’dik il-belt, u, waqqfet komunità bbażata fuq l-ideali tal-ewwel komunità ta’ Ġerusalemm. Matul l-ewwel snin il-komunità baqgħet fi Frosinone. Teresa Spinelli bdiet skola ta’ kuljum u boarding, lezzjonijiet tal-katekiżmu, irtiri, laqgħat ta’ formazzjoni spiritwali għall-adulti kif ukoll għaż-żgħażagħ u t-tfal. Teresa Spinelli emmnet li b’dan il-mod hi u l-komunità tagħha jkunu qed jagħtu servizz utli lis-soċjetà. Fil-fatt, ħafna kienu dawk li fittxew l-edukazzjoni tagħhom fl-iskola ta’ Teresa Spinelli li baqgħet għal ħafna snin l-unika skola tal-bniet fi Frosinone.
Is-Sorijiet Agostinjani ġew Malta għall-ewwel darba fl-1894 fuq talba tal-Isqof Pietro Pace; waqqfu l-ewwel dar tagħhom f’Ħal Qormi u wara, fl-1928, fetħu dar oħra fil-Mosta. Wara infetħu djar oħra: fl-1937 fil-GŻira, fl-1946 f’Għajnsielem, fl-1950 f’Birkirkara, u fl-1940 novizjat fir-Rabat. Is-sorijiet Agostinjani Maltin huma stabbiliti wkoll fl-Awstralja, l-Istati Uniti, l-Ingilterra, il-Brażil, iż-Zaire, l-Indja u l-Filippini.
Miktub minn Hailey Coleiro u Alanah Ghio, studenti tal-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Santa Margerita ta’ Verdala, Bormla.