Nhar il-Tnejn li ġej l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u l-Isqof Mario Grech se jkunu l-Vatikan għaż-żjara ad Limina dwar id-djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex.
Iż-żjara hekk msejħa ad Limina ssir regolarment biex l-isqfijiet jagħtu rendikont dwar id-djoċesi li huma responsabbli għaliha. Normalment din iż-żjara ssir kull ħames snin u tinkludi numru ta’ laqgħat mad-dekasteri tal-Kurja Rumana. Dawn jinkludu s-Segreterija tal-Istat, il-Kongregazzjonijiet, it-Tribunali, l-Kunsilli u l-Uffiċċji Pontifiċji.
Il-laqgħat jinkludu udjenza mal-Papa Benedittu XVI li se ssir nhar it-Tnejn filgħodu. Għal din l-udjenza, minbarra l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u l-Isqof Mario Grech, se jkun preżenti wkoll l-Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca.
Iż-żjara ad Limina tal-Isqfijiet Maltin hi mifruxa fuq ħamest ijiem. Huma mistenni jaslu lura Malta nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Ġunju.
Fl-istorja tal-Knisja Kattolika, iż-żjarat ad Limina jissemmew formalment għall-ewwel darba fis-seklu sittax, fil-Kostituzzjoni ‘Romanus Pontifex’ tal-Papa Sistu V. Tliet mitt sena wara, fl-1909, il-Papa Piju X ħareġ digriet li jgħid li l-isqfijiet għandhom jagħtu rendikont lill-Papa dwar id-djoċesi tagħhom darba kull ħames snin. Preżentament, il-ħtieġa taż-żjara ad Limina tissemma wkoll fil-kodiċi tal-liġi kanonika tal-1983.