Il-Kardinal Roger Etchegaray, ikkunsidrat qrib sew tal-mexxejja tal-Knisja Ortodossa Russa, żar ir-Russja għal Pentekoste u stieden lil kulħadd jimxi wara l-Ispirtu, lejn relazzjonijiet aħjar bejn iż-żewġ knejjes.
Il-Kardinal Etchegaray huwa Viċi-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali. Huwa serva bħala President tal-Kunsilli Pontifiċji Cor Unum u dak għall-Ġustizzja u l-Paċi.
F’nofs dan ix-xahar huwa kien f’San Pietruburgu, fejn beda ż-żjara ekumenika tiegħu b’talb fuq il-qabar tal-Metropolitan Nikodemu, li żar SanPietruburgu madwar 30 sena ilu.
Il-Kardinal ta’ 88 sena kien pijunier fid-djalogu bejn il-Knisja Kattolika u dik Ortodossa Russa.Il-kuntatti tal-Kardinal Etchegaray huma wkoll ikkunsidrati tajbin ħafna ma’ Vladimir, il-Metropolitan attwali ta’ San Pietruburgu. Hu rrappurtat li ilhom ħbieb żmien twil wara li ltaqgħu fil-qafas tal-Konċilju Vatikan it-Tieni, fejn il-Kardinal, dak iż-żmien saċerdot fid-djoċesi Franċiża ta’ Bayonne, ħa sehem bħala espert u dak li aktartard kellu jkun Metropolitan kien osservatur għall-Patrijarkat ta’ Moska.
Il-Kardinal Etchegaray iċċelebra Pentekoste mal-Ortodossi, minħabba lil-festa tfakkret miż-żewġ Knejjes fl-istess ġurnata.Il-Kardinal attenda għall-Vġili Ortodoss u skambja ankil-bewsa tal-paċi mal-Metropolitan Vladimir.
L-għada, il-Kardinal Etchegaray għadda ittra mill-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda Nisranija, il-Kardinal Kurt Koch, lill-Metropolitan Vladimir, u li fiha saret referenza għall-importanza tal-Konċilju Vatikan II fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn il-Kattoliċi u l-Ortodossi.
Ir-Rettur tal-Akkademja tat-Teoloġija Ortodossa, l-Isqof Ambroġ, stieden lill-Kardinal sabiex sakemm kien f’San Pietruburgu, joqgħod għandu. Organizza wkoll festin ad unur tiegħu. Il-Kardinal Etchegaray iċċelebra wkoll il-quddiesa mal-komunita kattolika f’San PietruBurgu, fil-Knisja ddedikata lil Santa Katerina. Żar ukoll is-Seminarju. Kien ukollirrappurtat li ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-kultura Russa.