Il-Ħamis, 29 ta’ April, 2010, l-Arċisqof Pawlu Cremona OP se jħalli Malta għal Żjara Pastorali lill-komunitajiet Maltin f’ Toronto, f’Detroit – Michigan, u fi New York.
L-Arċisqof Pawlu Cremona jasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Toronto l-Ġimgħa, 30 ta’ April, fis-2:30a.m (ħin ta’ Malta). Fost diversi impenji f’Toronto, l-Arċisqof se jiltaqa’ ma’ l-Isqof Awziljarju, Mons. William McGrattan, u mal-pazjenti Maltin li jinsabu għall-kura fl-isptar ta’ Runnymede. Nhar il-Ħadd, 9 ta’ Mejju, l-Arċisqof se jiċċelebra Quddiesa fil-Knisja ta’ San Pawl Appostlu, f’għeluq il-100 sena mit-twaqqif tas-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl. F’Detroit, l-Arċisqof se jiltaqa’ mal-Arċisqof, Mons. Allen Vigneron.
Nhar is-Sibt, 15 ta’ Mejju, l-Arċisqof Pawlu Cremona se jħalli Toronto għal New York. Minbarra diversi laqgħat mal-emigranti Maltin, l-Arċisqof se jiċċelebra Quddiesa mal-Arċisqof ta’ New York, Mons. Timothy Dolan, fil-Katidral ta’ St. Patrick’s. Fi New York, l-Arċisqof se jiltaqa’ wkoll man-Nunzju Appostoliku tal-Vatikan għall-Ġnus Maqgħuda, Mons. Celestino Migliore.
F’messaġġ li bgħat lill-Maltin fil-Kanada, l-Arċisqof esprima l-ferħ tiegħu għall-opportunita’ li se jkollu li jiltaqa’ mal-emigranti li jgħixu barra minn Malta. Fisser kif permezz ta’ din iż-żjara hu jixtieq jaqsam il-ferħ tiegħu ma’ dawk li għamlu suċċess, u s-sogħba tiegħu għal dawk li għaddew minn esperjenzi ta’ tbatija wara li emigraw lejn il-Kanada. L-Arċisqof qal li fuq kollox, hu jrid jsaħħahom fil-fidi u fl-istess waqt jaqsam magħhom il-mesaġġ li l-Papa Benedittu XVI wassal lill-Maltin fiż-Żjara Appostolika tiegħu f’Malta.
L-Arċisqof jasal lura Malta l-Ħamis, 20 ta’ Mejju, 2010. Hu se jkun akkumpanjat minn Dun Alfred Vella, Delegat tal-Arċisqof u chairperson tal-Kummissjoni Emigranti.