Il-Ħamis 7 t’April, 2011, l-Arċisqof Pawlu Ċremona OP, żar lill-priġunieri li jinsabu fil-Forensic Unit fl-isptar Monte Carmeli. Mal-wasla tiegħu intlaqa’ mill-uffiċċjali u nfermiera li jaħdmu f’din is-sezzjoni. Iż-żjara bdiet fid-9.30am b’quddiesa li fiha l-Arċisqof ikkonċelebra flimkien ma P.Franco Fenech Franġiskan Kapuċċin li huwa l-kappillan tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, u ma P.Charles Buġelli Franġiskan Kapuċċin li huwa l-kappillan tal-isptar Monte Carmeli. Fil-quddiesa l-Arċisqof saħaq li Ġesu’ rebbieħ fuq il-mewt iwasslilna messaġġ li “M‘hemm xejn f’din il-Ħajja li aħna ma nistgħux indawwruh biex ikun qawmien għalina”. L-Arċisqof qal kliem ta’ kuraġġ lill-priġunieri biex ipoġġu t-tbatija tagħhom f’idejn Sidna Ġesu’ Kristu biex iħalluh jibdel il-mewt tagħhom, f’qawmien. L-Arċisqof stieden lill-priġunieri jħarsu lejn il-ħalliel it-tajjeb li kien imsallab ma Ġesu’ biex jitgħallmu minnu l-proċess li jwassalħom ħalli jibdlu ħajjithom. L-ewwel pass kien li hu ammetta quddiem Ġesu’ .Lill-ħalliel l-ieħor li kien qiegħed iwaqqa’ lil Ġesu’ għaċ-ċajt, qallu ‘aħna nafu li dnibna’. Minn hemm trid tibda’! Li inti tgħid ‘żbaljajt’ ifisser li tixtieq tibdel it-triq tiegħek’ qal l-Arċisqof. It-tieni pass huwa li inti tagħmel att ta’ fidi kbira f’Ġesu’ u ma tieqafx fuq dak li jaraw għajnejk: kultant aħna ngħidu li dak il-ħalliel seraq il-ġenna. X’seraq? Aħna naraw lil Ġesu’ fil-qawwa kollha tiegħu u ma nemmnux fih, imbagħad il-ħalliel ikollu wieħed imsallab miegħu fuq is-salib, u jirnexxielu jmur lil hinn minn dak li qed jara u jgħidlu ‘jiena nemmen li għandek is-saltna’. It-tielet pass huwa talba: ‘Mulej għamel li nkun miegħek’. Nixtieq illi jien u intom ma narawx il-ħajja tagħna f’din id-dinja biss imma tmur lil hinn, lejn il-ħajja ta’ dejjem. L-Arċisqof ma naqasx li jiftakar fil-vittmi meta qal: Gesu’ ħa r-realta’ ta vittma u filwaqt li fis-salib għex dik ir-realta tiegħu ta vittma, Ħu taha timbru speċjali. Ħafna drabi min ikun vittma, u ma nagħtu tort lil ħadd, jgħixha fi spirtu ta’ rabja, irid ipatti, imma Ġesu’ fuq is-salib għex din ir-realta ta vittma, jaħfer lil min qiegħed isallbu.
Wara l-quddiesa, Mons.Arċisqof għadda ħin jitkellem u jisma’ lil kull wieħed mir-residenti u ż-żjara spiċċat għal-ħabta tal-12.00pm.