Għada, l-Erbgħa 18 ta’ Frar 2015, il-Knisja tagħti bidu għar-Randan Imqaddes: erbgħin jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Matul ir-Randan, il-Knisja tħeġġeġ lill-membri tagħha biex, fost affarjiet oħra, jaqraw il-Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis-sagramenti, u jattendu l-Eżerċizzi Spiritwali.
Bħala gwida dwar ċaħda personali u ta’ karità, il-Knisja tqiegħed quddiem l-Insara għadd ta’ opri tajba biex jagħżlu minn fosthom dawk li l-iktar jiswewlhom sagrifiċċju. Dawn l-opri tajba jinkludu s-sehem fil-quddies nhar ta’ xogħol, l-astinenza minn xorb alkoħoliku, li dak li jkun ma jpejjipx u ċaħda minn xi divertiment. Opri oħrajn huma l-Via Sagra, it-talb mal-familja bħar-Rużarju, tnaqqis fl-infiq u żieda fil-karità ma’ min hu fil-bżonn, u żjarat lill-morda jew xjuħ li huma waħedhom.
F’Ras ir-Randan u nhar il-Ġimgħa l-Kbira, kull min għalaq it-18-il sena u għadu ma daħalx fis-60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d-dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l-14-il sena għandu l-obbligu li jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna.
Filwaqt li jinkuraġixxu l-penitenza fi żmien ir-Randan, l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi jixtiequ jfakkru li fost il-jiem u ż-żmienijiet tal-penitenza hemm il-jum tal-Ġimgħa matul is-sena kollha.
Fil-Messaġġ Pastorali għar-Randan, l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku, ħeġġeġ lill-Insara biex fi spirtu ta’ stennija, joffru talb ħerqan għall-grazzja ta’ Arċisqof ġdid. Appella wkoll sabiex l-Insara, filwaqt li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jippreparaw biex iġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija, jiftakru li huma midjunin mal-ħniena ta’ Alla u li kull persuna għandha bżonn min jilqagħha. Din l-imħabba akkoljenti li għandha twassalna għall-karità, u l-ispirtu ta’ wens, jgħid l-Isqof, jeħtieġ li l-komunità tagħna tikber fiha biex kull persuna, hi min hi u ġejja minn fejn ġejja, tħossha milqugħa. L-Isqof temm il-messaġġ tiegħu bi stedina biex l-Insara jimpenjaw ruħhom biex jaħfru, għaliex il-maħfra hija l-għajn tal-paċi fis-soċjetà.
Għada, fil-bidu tar-Randan, l-Isqof Charles Scicluna ser imexxi pellegrinaġġ penitenzjali mill-knisja ta’ San Girgor għal dik parrokkjali taż-Żejtun, fejn hemmhekk jiċċelebra Quddiesa li fiha jsir ir-rit tat-tqegħid tal-irmied. B’turija ta’ solidarjetà mal-Kopti Insara Eġizzjani li nqatlu b’mod makabru fil-Libja f’dawn l-aħħar jiem, l-Isqof Scicluna stieden lis-saċerdot tal-Kopti Ortodossi tal-Eġittu, Abouna Boulos Elsouriany, biex jieħu sehem f’dan il-pellegrinaġġ. Is-saċerdot Elsouriany aċċetta din l-istedina.