Għada l‑Erbgħa, 14 ta’ Frar 2024, il‑Knisja Kattolika tagħti bidu għar‑Randan Imqaddes: 40 jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ‑ċelebrazzjoni tal‑Passjoni, il‑Mewt u l‑Qawmien mill‑mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
L‑Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra l‑quddiesa ta’ Ras ir‑Randan fil‑Knisja tal‑Immakulata Kunċizzjoni (Sarria) fil‑Furjana, li tinkludi t‑tberik u t‑tqegħid tal‑irmied. Il‑quddiesa tibda fid‑9:30am u tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, u Newsbook.com.mt.
Fil‑messaġġ tiegħu għar‑Randan ta’ din is‑sena, il‑Papa Franġisku jgħid li r‑Randan “huwa ż‑żmien li naġixxu, u fir‑Randan li naġixxu jfisser ukoll nieqfu. Nieqfu fit‑talb, biex nilqgħu l‑Kelma ta’ Alla, u nieqfu bħas‑Samaritan, fil‑preżenza ta’ ħuna midrub. L‑imħabba ta’ Alla u tal‑proxxmu hija mħabba waħda. Li ma jkollokx allat oħra jfisser tieqaf fil‑preżenza ta’ Alla, ħdejn il‑ġisem tal‑proxxmu tiegħek. Għalhekk it‑talb, il‑karità u s‑sawm mhumiex tliet għamliet ta’ taħriġ mifruda minn xulxin, imma ċaqliqa waħda ta’ ftuħ, ta’ tbattil: inkeċċu ’l barra lill‑idoli li jtaqqluna, inwarrbu r‑rabtiet li jżommuna lsiera. U hekk il-qalb ipparalizzata u iżolata terġa’ tqum. Jiġifieri, innaqqsu mill‑għaġla u nieħdu nifs.”
Matul iż‑żmien tar‑Randan, il‑Knisja tħeġġeġ lill‑Insara biex jaqraw il‑Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis‑sagramenti u jattendu l‑eżerċizzi spiritwali. Kulħadd hu mħeġġeġ iżur il‑website hinijiet.knisja.mt biex jara l‑ġranet u l‑ħinijiet ta’ ċelebrazzjonijiet u attivitajiet marbuta mar‑Randan u l‑Ġimgħa Mqaddsa fil‑parroċċi f’Malta. Din il‑website tibqa’ tiġi aġġornata matul ir‑Randan.
F’dan iż‑żmien wieħed jista’ jaċċessa wkoll il‑websites beHOLD.mt, beKids.mt u soter.knisja.mt li jinkludu talb u riżorsi addattati għar‑Randan.