Illum, l-Erbgħa 13 ta’ Frar, il-Knisja tagħti bidu għar-Randan Imqaddes: erbgħin jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Matul ir-Randan, il-Knisja tħeġġeġ lill-membri tagħha biex, fost affarjiet oħra, jaqraw il-Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis-sagramenti, u jattendu l-Eżerċizzi Spiritwali.
Bħala gwida dwar ċaħda personali u ta’ karita’, l-Isqfijiet iqiegħdu quddiem il-membri tal-Knisja għadd ta’ opri tajba biex jagħżlu minn fosthom dawk li l-iktar jiswewlhom sagrifiċċju.
Dawn l-opri tajba jinkludu s-sehem fil-quddies nhar ta’ xogħol, l-astinenza minn xorb alkoħoliku, li dak li jkun ma jpejjipx u ċaħda minn xi divertiment. Opri oħrajn huma l-Via Sagra, it-talb mal-familja bħar-Rużarju, tnaqqis fl-infiq u żieda fil-karità ma’ min hu fil-bżonn, u żjarat lill-morda jew xjuħ li huma waħedhom.
Matul dan ir-Randan, l-Isqfijiet jixtiequ jħeġġu lill-Insara biex jitolbu għall-Knisja Universali, partikolarment għall-Papa Benedittu XVI u għall-Kulleġġ tal-Kardinali li għandu r-responsabbiltà jaħtar is-suċċessur tiegħu.
F’Ras ir-Randan u nhar il-Ġimgħa l-Kbira, kull min għalaq it-18-il sena u għadu ma daħalx fis-60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d-dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l-14-il sena għandu l-obbligu li jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna.
Filwaqt li jinkuraġixxu l-penitenza fiż-żmien tar-Randan, l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi jixtiequ jfakkru li fost il-jiem u ż-żmienijiet tal-penitenza hemm il-jum tal-Ġimgħa matul is-sena kollha.