Illum, il-Knisja tagħti bidu għar-Randan Imqaddes: erbgħin jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni, tal-Mewt u tal-Qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.
Matul ir-Randan, il-Knisja tħeġġeġ lill-membri tagħha biex jaqraw il-Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis-sagramenti, u jattendu l-Eżerċizzi Spiritwali.
Bħala gwida dwar ċaħda personali u ta’ karita’, l-Isqfijiet iqiegħdu quddiem il-membri tal-Knisja għadd ta’ opri tajba biex jagħżlu minn fosthom dawk li l-iktar jiswewlhom sagrifiċċju.
Dawn l-opri tajba jinkludu s-sehem fil-Quddies nhar ta’ xogħol, l-astinenza minn xorb alkoħoliku, li dak li jkun ma jpejjipx u ċaħda minn xi divertiment. Opri oħrajn huma l-Via Sagra, it-talb mal-familja bħal bir-Rużarju, tnaqqis fl-infiq u żieda fil-karita’ ma’ min hu fil-bżonn, u żjarat lill-morda jew xjuħ li huma waħedhom.
Barra minn hekk, fl-Ittra Pastorali għar-Randan 2011, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u l-Isqof Mario Grech qalu li “Ma nistgħux nimmaġinaw mod isbaħ illum kif niċċelebraw ir-Randan milli nibdew nagħtu s-sehem tagħna biex insaħħu ż-Żwieġ u l-Familja u nibnu kultura f’pajjiżna madwar il-pjan ta’ Alla.”
Bħal f’Ras ir-Randan, nhar il-Ġimgħa l-Kbira kull min għalaq it-18-il sena u għadu ma daħalx fis-60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d-dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l-14-il sena għandu l-obbligu li jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna.
Filwaqt li jinkuraġixxu l-penitenza fiż-żmien tar-Randan, l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi jixtiequ jfakkru li, fil-Knisja, fost il-jiem u ż-żmienijiet tal-penitenza hemm il-jum tal-Ġimgħa matul is-sena kollha.