L‑Erbgħa 10 ta’ Frar 2016, il‑Knisja tagħti bidu għar‑Randan Imqaddes: erbgħin jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ‑ċelebrazzjoni tal‑Passjoni, il‑Mewt u l‑Qawmien mill‑mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għal din l‑okkażjoni, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra Quddiesa fil‑Kappella tal‑Kunvent tas‑Sorijiet tal‑Karità, Ħal Tarxien. Il‑Quddiesa tibda fid‑9:00 a.m., u ser tixxandar ‘live’ fuq TVM2.
Matul dan ir‑Randan, il‑Knisja tħeġġeġ lill‑membri tagħha biex jaqraw il‑Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis‑sagramenti, u jattendu l‑Eżerċizzi Spiritwali. F’dan il‑Ġublew Straordinajru tal‑Ħniena, li qed jiġi ċċelebrat din is‑sena, l‑Insara huma mistiedna jesperjenzaw il‑Ħniena t’Alla.
Waħda mill‑inizjattivi matul din is‑Sena tal‑Ħniena hi marbuta mal‑Bibien tal‑Ħniena li l‑Papa Franġisku xtaq li jinfetħu f’Ruma u fid‑djoċesijiet kollha tad‑dinja. Fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna fetaħ tliet Bibien tal‑Ħniena: il‑Bieb tal‑Katidral tal‑Imdina, il‑Bieb tas‑Santwarju tal‑Madonnna tal‑Mellieħa u l‑Bieb tal‑Oratorju tal‑Kurċifiss (fejn tinżamm ix‑xbieha devota ta’ Ġesù Redentur) mal‑Bażilika ta’ Marija Bambina, l‑Isla. Kull min jgħaddi minn dawn il‑bibien jista’ jikseb l‑Indulġenza Plenarja u japplikaha għalih innifsu jew għal xi ħadd ieħor. B’dan il‑ġest sempliċi, il‑Knisja turina l‑kobor tal‑ħniena t’Alla, li lest jilqa’ għandu kull min irid jitħabbeb miegħu mill‑ġdid.
L‑Indulġenza Plenarja tfisser li persuna tkun meħlusa mit‑tpattija tad‑dnubiet tagħha. Biex tinkiseb l‑Indulġenza, il‑persuna trid tkun niedma tassew minn dnubietha, tkun qerret u tqarbnet waqt il‑Quddiesa, u toffri talb skont l‑intenzjoni tal‑Papa (per eżempju billi titlob it‑talba tal‑Missierna u s‑Sliema). Il‑qrara u t‑tqarbina jistgħu iseħħu sa 20 jum jew qabel jew wara li l‑persuna tkun għaddiet minn wieħed mill‑Bibien tal‑Ħniena imxerrda fid‑dinja kollha.
F’kas ta’ persuni morda, anzjani jew b’diżabilità, dawn jistgħu jittieħdu fi kwalunkwe knisja. Jekk lanqas dan ma jkun jista’ jsir, l‑Indulġenza tista’ tinkiseb ukoll mid‑dar jew mir‑residenza fejn il‑persuna tinsab. Minflok il‑Quddiesa, il‑persuna tista’ titlob ir‑Rużarju jew il‑Via Sacra jew xi talb ieħor weħidha jew aħjar mal‑familja.
L‑Uffiċċju Komunikazzjoni qiegħed jippublika l‑ħinijiet tal‑ftuħ tal‑Bibien tal‑Ħniena u tal‑ħinijiet tal‑Qrar fit‑tliet knejjes, fl-Arċidjoċesi ta’ Malta.
KATIDRAL TAL‑IMDINA
Ftuħ tal‑Bieb tal‑Ħniena
Mit‑Tnejn sas‑Sibt: mis‑7.00pm sas‑7.00pm
Il‑Ħadd: mis‑7.00am sa 12.00pm, u mit‑3.00pm sas‑7.00pm
Sagrament tar‑Rikonċiljazzjoni
Mit‑Tnejn sal‑Ħadd: mid‑9:30am san‑12:30pm
Il‑Ġimgħa filgħaxija: mill‑4:30pm sas‑7:30pm
Quddies fil‑Katidral tal‑Imdina
Mit‑Tnejn sas‑Sibt: 9:00am, 6:00pm
Il‑Ħadd: 9:30am, 11:00am, u 6:00pm
SANTWARJU TAL‑MADONNA TAL‑MELLIEĦA
Ftuħ tal‑Bieb tal‑Ħniena
Mit‑Tnejn sal‑Ħadd: mit-8:00am sas-6:00pm
Fis‑sajf: mit-8:00am sas-7:00pm
Sagrament tar‑Rikonċiljazzjoni
Qabel u wara l‑Quddies
Quddies fis‑Santwarju
Mit‑Tnejn sas‑Sibt: 8:30am
Il‑Ħadd: 10:00am (bl‑Ingliż)
L‑ORATORJU TAL‑KURĊIFISS MAL-BAŻILIKA TA’ MARIJA BAMBINA, L-ISLA
Ftuħ tal‑Bieb tal‑Ħniena
Mit‑Tnejn sal‑Ħadd: Mis‑6:00am sal‑11:30am, u mill‑4:00pm sas‑6:30pm
Sagrament tar‑Rikonċiljazzjoni
Qabel u wara l‑Quddies
Quddies fil‑Bażilika ta’ Marija Bambina
Ħdud u Festi: 7:00am, 8:00am, 9:15am, 11:00am, 6:00pm
Sibtijiet filgħaxija: 6:00pm
Mit‑Tnejn sas‑Sibt: 6:30am, 7:45am, 6:00pm
Kull nhar ta’ Ġimgħa: 6:30am, 7:45am, 10:00am, 6:30pm
Kull l‑ewwel Ġimgħa tax-xahar: 6:30am, 7:45am, 10:00am, 5:00pm, 6:00pm
Il‑Knisja tfakkar ukoll li f’Ras ir‑Randan u nhar il‑Ġimgħa l‑Kbira, kull min għalaq it‑18‑il sena u għadu ma daħalx fis‑60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d‑dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l‑14‑il sena għandu l‑obbligu li jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna.
Filwaqt li tinkuraġixxi l‑penitenza fi żmien ir‑Randan, l‑Knisja tixtieq tfakkar li fost il‑jiem u ż‑żmienijiet tal‑penitenza hemm il‑jum tal‑Ġimgħa matul is‑sena kollha.