L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-għaref tal-liġi jixtieq ikun jaf liema hi l-liġi li hi l-pedament ta’ kollox. “Liema wieħed fost il-kmandamenti”, fost il-liġijiet li għandna, “huwa l-ewwel?” (Mk 12:28). Ir-risposta ta’ Ġesù tinġabar f’kelma waħda li jirrepeti darbtejn: “Ħobb lill-Mulej, ħobb lil għajrek” (Mk 12:29,31).

Ġesù fl-ewwel parti ta’ din ir-risposta qed jislet silta mill-qari li smajna fil-bidu mill-ktieb tad-Dewteronomju, li kien il-ktieb tal-liġi għażiż għall-poplu ta’ Alla li għal diversi drabi jistieden lill-poplu, lil Iżrael biex jisma’: “Isma’, Iżrael” (Dewt 6:3). Imma mbagħad jistiednu wara s-smigħ għall-imħabba: ħobb lil Alla. Ġesù jgħaqqad dan il-kmandament ma’ kmandament importanti ħafna għalih. Jgħidlu: “U t-tieni hu dan: ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Hu ma jgħidx kmandamenti imma jgħid: “Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn” (Mk 12:31). Għal Ġesù l-imħabba ta’ Alla se nesprimuha fl-imħabba lejn il-proxxmu, lejn għajrna, lejn xulxin.

Għeżież membri tal-Parlament Malti, għażiz President tal-Kamra tad-Deputati, intom u tiċċelebraw il-100 sena mit-twaqqif ta’ din l-istituzzjoni tant importanti, tant għażiża għalina, li twaqqfet b’riżultat tal-Kostituzzjoni tal-1921 u l-Parlament ġie inawgurat propju ftit xhur wara, nistedinkom biex fil-qalb tagħna ngħożżu dawn iż-żewġ verbi li l-Kelma t’Alla tippreżentalna llum providenzjalment kif qed tinqara fil-knejjes kollha madwar id-dinja fil-31 Ħadd ta’ matul is-sena: ‘isma’ u ħobb’.

Il-kelma ‘parlament’ anke fl-għeruq tagħha, twassalna biex niftakru f’min jitkellem – ‘parlare’, parlament. Imma biex xi ħadd jitkellem bis-sens irid ikun hemm min jisma’, min jiskot biex jisma’. U jkun ħela ta’ enerġija jekk nitkellmu u nisimgħu u dan kollu ma jwassalx għall-imħabba konkreta. Fl-istruttura tal-liġijiet ta’ pajjiżna nqisu l-Kostituzzjoni tar-Repubblika bħala l-liġi pedament, il-liġi fundamentali, il-liġi bażika. Ġesù jmur ’l hemm mil-liġijiet kollha saħansitra nistgħu ngħidu anke mill-kostituzzjonijiet, u jmur għall-qalb tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna, ta’ relazzjonijiet li se jkabbru lil kull wieħed u waħda minna u se jkunu tassew ta’ ġid għal kulħadd, jippromwovu l-ġid komuni. U dan l-atteġġjament hu l-atteġġjament tal-imħabba.

Jekk fil-Parlament ikun hemm il-kankru tat-tribaliżmu, tal-firda, tal-pika, tal-ġlied, kif nistgħu infejqu l-ġerħat li kultant ikollna fostna fis-soċjetà?

Il-Kelma ta’ Alla tistedinna nisimgħu lil Alla imma Alla jkellimna wkoll permezz ta’ sħabna, tal-poplu tagħna. Nixtieq nirringrazzjakom ta’ kemm fl-istituzzjonjiet tal-Parlament hemm spazju li dejjem qed jikber biex ikun hemm djalogu kontinwu mas-soċjetà fit-tħejjijiet tal-liġijiet, f’dak kollu li tagħmlu anke fl-investigazzjonijiet tagħkom. Il-poplu jirringrazzja ’l Alla meta jkollu min jisimgħu u min jixtarr dak li jixtieq jgħid. Imma intom ir-rappreżentanti tal-poplu eletti demokratikament, intom ukoll il-leħen, il-qalb u l-kuxjenza tal-poplu. Din hi responsabbiltà mhix żgħira u d-diskussjonijiet ta’ bejnietkom iridu jkunu risposta għall-għatx li l-poplu għandu għat-tajjeb, għall-veru, għas-sewwa, għall-ġustizzja.

Ippermettuli ngħidilkom li anke l-eżempju tagħkom hu importanti u essenzjali f’dinja fejn id-dibattimenti tagħkom huma mxandra, ħafna drabi b’mod dirett. Taqgħu qatt għat-tentazzjoni li, kif jgħidu l-Ingliżi to play to the gallery biex inti tagħmel show, lanqas bil-kollega u avversarju tiegħek. Anzi din l-aċċessibiltà tad-dibattiti u l-proċessi kollha li jsiru fil-Parlament hi responsabbiltà biex wieħed jagħti eżempju ta’ ċiviltà fid-djalogu, ta’ propjetà fil-kliem, ta’ modestja fl-atteġġjamenti, ta’ eżempju sabiħ fl-aġir. Għax jekk fil-Parlament ikun hemm il-kankru tat-tribaliżmu, tal-firda, tal-pika, tal-ġlied, kif nistgħu infejqu l-ġerħat li kultant ikollna fostna fis-soċjetà?

Allaħares il-liġi tkun biex tiddefendi interess partikolari jew interess ta’ partit. Il-liġi qiegħda hemm biex tesprimi l-ġustizzja fis-soċjetà, ir-rettitudni fil-pajjiż.

Nawguralkom ukoll li l-leġislazzjonijiet li tiddiskutu u tapprovaw kif inhu r-rwol kostituzzjonali tagħkom, ikunu dejjem għall-ġid komuni. Wara kollox il-prinċipju ta’ liġi tajba hi din: li hi frott u proċess ta’ raġunar magħmul minn min għandu l-awtorità għall-ġid komuni. Allaħares il-liġi tkun biex tiddefendi interess partikolari jew interess ta’ partit. Il-liġi qiegħda hemm biex tesprimi l-ġustizzja fis-soċjetà, ir-rettitudni fil-pajjiż.

Nifhem ukoll li intom parti minn xibka kbira feliċi ta’ parlamenti madwar id-dinja, ta’ istituzzjonijiet oħra li minkejja d-difetti ta’ kull wieħed u waħda minna, jippruvaw jagħtu kontribut mhux biss għal pajjiżhom imma għal dinja aħjar.

U t-talba tiegħi fuqkom illum, f’isem il-poplu tagħna, hi li aħna u niċċelebraw il-100 sena ta’ din l-istituzzjoni importanti mhux biss nawgurawlha futur għax dak ifisser li aħna nibqgħu ngħixu, nirrespiraw u ngawdu ambjent verament demokratiku. Wara kollox, il-Parlament twaqqaf meta kellna kriżi fid-demokrazija. U allura jalla din l-istituzzjoni jkollha ħajja twila. Imma l-appell tiegħi hu wkoll li jqumu ġenerazzjonijiet ta’ qaddejja vera li jagħtu ħajjithom bħalma tagħmlu intom, għas-servizz tal-poplu u li huma u jagħmlu l-liġijiet ifittxu mhux l-interess partikolari jew partiġġjan imma l-interess u l-ġid ta’ kulħadd.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Dewt 6:2-6
Salm: 17:2-3a,3bċ-4,47,51ab
Qari II: Lhud 7:23-28
Evanġelju: Mk 12:28b-34

More Photos >>