113 persuna temmew b’suċċess wieħed mit‑13‑il kors li ġew offruti matul l‑aħħar sena akkademika mill‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali flimkien ma’ entitajiet oħra tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Fil-kuntest tal-pandemija COVID-19, l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali ddeċieda li ċ‑ċerimonja annwali tal‑gradwazzjoni, li kienet maħsuba ssir illum il‑Ġimgħa, ma ssirx. L-Istitut jixtieq jieħu l-opportunità jawgura lill-partiċipanti kollha li ser ikunu qed jirċievu ċ-ċertifikat b’mod personali.
Il‑korsijiet li temmew il‑parteċipanti kienu: fl‑oqsma tal‑familja, it-teoloġija, il‑kura pastorali fl‑iskejjel, id‑dimensjoni spiritwali fil‑kura tas‑saħħa, l‑għeruq tal‑fidi Nisranija fil‑Ġudaiżmu, il‑ħidma mal‑adolexxenti u ż‑żgħażagħ, l‑istudji fl‑ispiritwalità Karmelitana, Injazjana u l‑akkumpanjament spiritwali, l‑iskopertà tal‑fidi permezz tal‑arti, l‑iżvilupp tar‑responsabbilità ambjentali, u l-formazzjoni għall-fratelli adolexxenti. Il‑korsijiet jaqgħu taħt ir‑raba’, il‑ħames u s‑sitt livell tal‑Malta Qualifications Framework (MQF) u tal‑European Qualifications Framework (EQF).
Din is-sena l‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali beda l‑15‑il sena ta’ ħidma, u din kienet ser tkun l‑14‑il ċerimonja ta’ gradwazzjoni. L‑Istitut twaqqaf fl‑2005 biex iwieġeb għas‑sejħa li ħarġet mis‑Sinodu Djoċesan li joffri formazzjoni lill‑Insara li jixtiequ jinżlu aktar fil‑fond fl‑għarfien tal‑fidi u jagħtu kontribut aħjar fil‑Knisja u fis‑soċjetà.
Fis‑sena akkademika preżenti, l‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali u diversi entitajiet formattivi oħra fil‑Knisja qed joffru tmien korsijiet differenti. F’Jannar u Frar 2021 huma mistennija jibdew dawn il-korsijiet: il‑ministeru pastorali tal‑familja, il‑kura pastorali fl‑iskejjel, l‑iskopertà tal‑fidi permezz tal‑arti u d-dimensjoni spiritwali fil‑kura tas‑saħħa. Id-data ta’ meta se jibda l-kors dwar l‑Iżvilupp tar‑responsabbilità ambjentali titħabbar aktar ’il quddiem.
Għal iktar informazzjoni dwar il‑korsijiet żur www.maltapfi.org/courses.