Iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni ta’ 12-il resident li lestew b’suċċess il-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga, organizzata minn Caritas Malta u li saret ilbieraħ filgħaxija fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas f’Ħaż-Żebbuġ. It-tema taċ-ċerimonja ta’ din is-sena kienet: ‘Inħarsu ’l Quddiem’, b’referenza għall-pandemija imma wkoll għall-għanijiet li ta’ kuljum irridu naħdmu għalihom sabiex jagħtu sens lil ħajjitna.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li “waħda milll-affarijiet li tolqotni meta nisma’ l-esperjenzi tar-residenti hawnhekk hija kemm jitkellmu mill-qalb u kemm japprezzaw il-fatt li din il-mixja għallmithom mod ġdid kif jaħsbu u jħobbu”.

Fil-festa tal-Qalb ta’ Ġesù, li din is-sena ġiet iċċelebrata proprju lbieraħ, 24 ta’ Ġunju, Mons. Arċisqof appella sabiex bħala Nsara u bħala soċjetà, ikollna qalb bħal ta’ Ġesù: qalb ħelwa u umli. “Il-‘qalb ħelwa’ hija qalb li taf timxi ma’ dak li jkun fid-diffikultajiet li jkollu, li ma tiġġudikax, ma twaddabx ġebel imma tagħti l-id tal-ħbiberija, tal-mogħdrija u tal-akkumpanjament.”

L-Arċisqof irringrazzja lir-residenti kollha tal-fiduċja tagħhom f’Caritas Malta u għamlilhom ħafna kuraġġ. Huwa rringrazzja wkoll lid-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt u lill-impjegati kollha ta’ Caritas għall-ħidma ma taqta’ xejn ma’ dawn ir-residenti; lil Mons. Charles Cordina, il-Vigarju Episkopali tad-Djakonija li jwassal il-qalb tal-Knisja f’tant ambjenti li l-Knisja f’Malta hi qaddejja tagħhom; u ringrazzjament partikolari lil Mons. Victor Grech, il-fundatur ta’ Caritas.

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll għadd ta’ persuni li qed jingħataw servizz minn Caritas Malta, fosthom dawk f’Dar Charles Miceli u żgħażagħ residenti fiċ-Ċentru Terapewtiku għall-Adolexxenti ‘Tal-Ibwar’.

Il-messaġġ tal-Arcisqof: knisja.mt/gradwazzjonicaritas2022