Grupp ta’ 14-il abbati Għawdxi u Malti qegħdin jagħmlu esperjenza ta’ servizz fil-Vatikan. Il-Ħadd, huma ħadu ritratt mal-Papa Franġisku li ltaqa’ magħhom wara t-talba tal-Angelus, fejn talbu flimkien is-Sliema, berikhom u talabhom jitolbu għalih.

L-abbatini huma akkumpanjati minn Mons. Frans Bonnici u s-seminarista Għawdxi John Xerri. Huma telqu minn Malta fis-26 ta’ Lulju u jerġgħu lura Malta fil-5 ta’ Awwissu.

L-abbatini Għawdxin iltaqgħu wkoll mal-Kardinal Għawdxi Mario Grech.

Is-sibt filgħodu, fil-Kappella tal-Kor tal-Bażilika ta’ San Pietru, l-abbatini l kellhom iċ-ċerimonja simbolika tal-Vestizzjoni bil-faxxa l-ħamra, li tmexxiet minn Mons. Maximillian Grech, saċerdot Għawdxi li jaħdem fid-Diplomazija u li qed jagħti servizz fis-Segreterija tal-Istat fil-Vatikan. Din bdiet billi nqrat is-silta tas-sejħa ta’ Samwel mit-Testment il-Qadim u ntalab is-Salm 23.

Imbagħad Mons. Grech wassal messaġġ qasir fejn tkellem fuq l-importanza tas-smigħ fost il-ħafna distrazzjonijiet li jaffaċċjaw it-tfal u ż-żgħażagħ. Wara, l-abbatini għamlu l-wegħdiet tagħhom, u wara li tbierket il-faxxa, ingħatatilhom biex hekk saru formalment abbatini tal-Bażilika ta’ San Pietru.

Il-Ħadd filgħodu l-abbatini ltaqgħu mal-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Pietru, l-Kardinal Mauro Gambetti OFM Conv, meta qaddes fuq l-Altar tal-Katedra.

Sors: Newsbook Malta