150 siġra tħawlu fid-djar ta’ rijabilitazzjoni ta’ Caritas Malta grazzi għal PT Matic Enivironmental Services Ltd u lil Saġġar. Il-moviment Fokolari ħa ħsieb parti mill-ispejjeż, u flimkien mar-residenti li qed isegwu l-programm ta’ rijabilitazzjoni kif ukoll wkoll voluntiera minn Camini…amo, qattgħu ħin flimkien iħawlu siġar indiġeni.

Jeffrey Muscat, Kap tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas, esprima li din hija kontribuzzjoni lejn titjib u tisħiħ tal-ambjent naturali li tant huwa importanti li jitħares. Claude Ebejer minn Saġġar qal, “Hija x-xewqa tagħna li noħolqu monument ħaj bħala Maltin, li jsaħħaħ l-ambjent bi ħsieb għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.” PT Matic resqu fuq Caritas Malta b’din il-proposta u żviluppaw proġett fejn issebbaħ l-ambjent permezz ta’ dawn is-siġar.

Camini…amo huwa grupp ta’ persuni b’karattri u attitudnijiet differenti, b’diversità ta’ esperjenzi differenti fil-ħajja. Ta’ kull sena grupp ta’ pellegrini jimbarkaw fuq dan il-vjaġġ għal Camino de Santiago fi Spanja. Camini…amo jieħu dan il-vjaġġ fuq livell ieħor personali u b’entużjażmu. Il-grupp jagħżlu entità u jagħtu għajnuna lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

Għal darb’oħra, Camini…amo għażlu l-entità ta’ Caritas Malta, biex permezz tal-pellegrini tagħhom jagħmlu ħidma volontarja matul ix-xhur ta’ tħejjija għall-vjaġġ tagħhom. F’din l-ewwel attività, flimkien mal-Moviment tal-Fokolari u residenti ta’ Caritas Malta, għenu biex tħawlu dawn il-150 siġra.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt tenna l-ħsieb ta’ Papa Franġisku li l-ħidma favur il-fejqan u l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem tesiġi li tmur id f’id mal-ħidma favur il-fejqan u l-kura tal-ambjent li hi d-dar naturali tal-bniedem. B’dan il-għan Caritas Malta, flimkien mal-għajnuniet kollha li resqu għal dan il-proġett, qed tagħmel dan il-ġest li jitħawlu siġar fl-ambjenti ta’ djar terapewtiċi.