In-numru ta’ żwiġijiet fil-Knisja li ġew irreġistrati fl-Arċidjoċesi ta’ Malta għas-sena 2011 kien ta’ 1,520.

Mit-total ta’ żwiġijiet rreġistrati fl-2011, 1,315-il żwieġ kienu bejn Maltin. Kien hemm ukoll 66 żwieġ bejn Maltin u barranin. Dawn kienu mqassmin hekk:  31 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Kattoliċi barrani; 23 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Insara mhux Kattoliċi barranin; 12-il żwieġ ta’ Maltin ma’ barranin li mhumiex Insara. Ġew rreġistrati wkoll 16-il żwieġ bejn Maltin li qed jgħixu f’pajjiżi oħra, u 123 żwieġ bejn koppji barranin.

Is-66 persuna minn pajjiżi oħra li fl-2011 ingħaqdu fi żwieġ fil-Knisja ma’ persuni Maltin kienu 29 raġel u 37 mara, minn 27 pajjiż differenti, ewlenin fosthom: mill-Italja (12), mir-Russja (9), mill-Ingilterra (7), mill-Filippini (5). L-aktar xhur popolari għaż-żwiġijiet kienu Ġunju (301), Lulju (242) u Mejju (210). L-aktar etajiet komuni tal-koppji li żżewġu s-sena l-oħra kienu bejn l-20 u d-29 sena.

Fl-2011 kien hemm 55 żwieġ li ġie konvalidat. Żwieġ konvalidat huwa żwieġ ċivili li maż-żmien il-koppja titlob li jsir bil-Knisja.

Fl-istess perijodu kien hemm 16 armel/armla li reġgħu żżewġu, kif ukoll 48 persuna li reġgħu żżewġu wara li l-ewwel żwieġ tagħhom ġie dikjarat null.

L-informazzjoni kollha nġabret mill-Uffiċċju Żwiġijiet tal-Kurja tal-Arċisqof. Din ma tinkludix iż-żwiġijiet li saru fid-Djoċesi ta’ Għawdex.