L‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi żar ir‑residenza ‘Dar Tgħanniqa ta’ Omm’ fil‑Mosta, li tgħin ommijiet li minkejja d‑diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom waqt it‑tqala jagħtu prijorità l‑ħajja tat‑tarbija fil‑ġuf. F’din id‑dar, li hija mmexxija mill‑Fondazzjoni Life Network, mal‑21 omm ingħataw l‑għajnuna f’dawn l‑aħħar tliet snin. F’dawn il‑jiem, ‘Dar Tgħanniqa ta’ Omm’ hi miftuħa sabiex kull min jixtieq jagħti donazzjoni u jara b’għajnejh l‑għajnuna li qed tingħata lil dawn l‑ommijiet u t‑trabi tagħhom.
Waqt iż‑żjara, l‑Isqof Galea‑Curmi qal li l‑ħajja tal‑bniedem hi dejjem imprezzabbli, kemm meta tidher u anke meta ma tidhirx, mill‑bidu nett sat‑tmiem. Għalhekk, saħaq li ‘Dar Tgħanniqa ta’ Omm’ qed tagħmel ħafna ġid fost is‑soċjetà Maltija għaliex f’din id‑dar l‑ommijiet kollha li jinsabu f’diffikultà, irrespettivament mit‑twemmin tagħhom, isibu s‑solidarjetà u l‑appoġġ meħtieġa sakemm jerġgħu jqumu fuq saqajhom. F’isem il‑Knisja, irringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod għenu sabiex Dar Tgħanniqa ta’ Omm tkompli twettaq il‑ġid u ħeġġeġ lill‑pubbliku sabiex iżur din id‑dar u jgħin fil‑ħidma imprezzabbli li qed issir.
Dr Miriam Sciberras, iċ‑Chairperson tal‑fondazzjoni, spjegat li bħalissa din id‑dar qed tagħti kenn lil tliet ommijiet u t‑trabi tagħhom u li d‑dar baqgħet miftuħa biex tgħin lill‑ommijiet. Saħqet li f’Malta ftit hawn għarfien u servizzi dwar nisa li qed jistennew tarbija u li ma jkollhomx saqaf fuq rashom. Qalet li huwa inutli li l‑pajjiż jaħdem għad‑drittijiet tan‑nisa iżda jonqos milli joffri għajnuna lill‑ommijiet li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet waqt it‑tqala. Hi enfasizzat li dawn l‑ommijiet għandhom bżonn għajnuna 24 siegħa kuljum u dan permezz ta’ iktar ħaddiema sabiex jgħinu lill‑ommijiet anke matul il‑lejl. Dr Sciberras appellat lin‑nisa u l‑familji li jinsabu fi kriżi waqt it‑tqala biex ifittxu l‑għajnuna billi jċemplu fuq 20330023.
‘Dar Tgħanniqa ta’ Omm’ ilha miftuħa mill‑2019 u tista’ tilqa’ sa tmien ommijiet u t‑trabi tagħhom. Min jixtieq jgħin lill‑Fondazzjoni Life Network biex tkompli l‑ħidma tagħha ma’ dawn l‑ommijiet jista’ jċempel fuq 77115433 jew jagħmel kuntatt permezz tal‑paġna fuq Facebook Life Line Malta.