Tnejn u għoxrin entità ppreżentaw lill‑membri parlamentari position paper dwar l‑abbozz ta’ liġi dwar l‑użu rikreattiv tal‑kannabis. L‑entitajiet, li qed jesprimu l‑oppożizzjoni tagħhom għal din il‑liġi, huma mħassba serjament dwar l‑effetti li ser ikollha fuq is‑soċjetà u qed jappellaw għal dibattitu serju, matur u riċerkat dwar is‑suġġett. Il‑liġi proposta se tkun ppreżentata llum fil‑Parlament għad‑dibattitu.
L‑entitajiet kollha, li ħafna minnhom jaħdmu ma’ tfal u żgħażagħ, jemmnu bis‑sħiħ li kif inhu ppreżentat bħalissa, l‑abbozz se jkollu effett negattiv li jinnormalizza l‑użu tad‑droga filwaqt li jonqos milli jipproteġi kemm lis‑soċjetà kif ukoll lil min juża d‑droga.
Filwaqt li l‑22 entità jappoġġjaw il‑liġi preżenti li tiddekriminalizza l‑pussess ta’ ammonti żgħar ta’ kannabis għall‑użu personali, huma kritiċi ħafna għall‑għaġla li biha, fl‑aħħar ta’ din il‑leġiżlatura u lejlet elezzjoni ġenerali, il‑Parlament qed jintalab jgħaddi din il‑liġi ġdida li qed tipproponi bidliet radikali u riskjużi. L‑entitajiet qed jappellaw lill‑Gvern biex jagħfas il‑buttuna ‘pause’ u biex dan l‑abbozz ta’ liġi jitwaqqaf sakemm isir studju serju, indipendenti u riċerkat dwar l‑impatt soċjali tal‑proposti f’dan l‑abbozz.
Fil‑position paper, l‑entitajiet jagħtu feedback dettaljat dwar diversi proposti filwaqt li rrimarkaw li l‑abbozz joħloq mudell regolat dgħajjef ħafna b’lakuni kbar li jagħtu lok għall‑abbuż. Huma jesprimu tħassib serju dwar għadd ta’ aspetti proposti fil‑liġi inkluż ir‑regolamentazzjoni limitata ħafna tat‑tkabbir tal‑kannabis fid‑djar, kif ukoll dwar ir‑regolamentazzjoni dgħajfa tal‑ftuħ ta’ assoċjazzjonijiet li jkabbru l‑kannabis fl‑ibliet u l‑irħula kollha. Tħassib ieħor serju huwa dwar il‑possibbiltà li jintużaw lakuni fil‑liġi proposta biex ikun permess l‑użu tal‑kannabis fil‑pubbliku, u dan minkejja d‑dikjarazzjonijiet kuntrarju li saru fil‑liġi.
It-22 firmatarji ta’ din il-position paper li ġiet ippreżentata llum lill-membri parlamentari huma:
Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja
Caritas Malta
Dar tal-Providenza
Djar tal-Knisja għall-Anzjani
Fondazzjoni Dar Merħba Bik
Fondazzjoni Istitut Paolo Freire
Fondazzjoni OASI
Fondazzjoni Sebħ
Fondazzjoni St Jean Antide
Kummissjoni Djoċesana Djakonija
Kummissjoni Ġustizzja u Paċi
Kunsill tas‑Superjuri Maġġuri Reliġjużi (KSMR)
Malta Catholic Youth Network (MCYN)
Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre Chaplains
Millennium Chapel
Peace and Good Foundation
Uffiċċju Ħidma Pastorali mal‑Persuni Separati
Segretarjat Assistenza Soċjali (SAS)
Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija
SOS Malta
Society St Vincent de Paul
YMCA Malta