F’intervista waqt edizzjoni oħra tal-programm What’s On Newsbook, li jixxandar kuljum f’nofsinhar fuq 103 Malta’s Heart, ir-Rettur tal-iskola tal-Missjunarji ta’ San Pawl fir-Rabat Fr Clinton Farrugia spjega x’kien il-ħsieb wara t-300 tpinġija li ffurmaw il-mappa tad-dinja fuq wieħed mill-ħitan tal-iskola.

Fr Clinton stqarr li bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet f’għeluq l-10 snin mill-ftuħ tal-iskola primarja tal-MSSP li għalihom kienu “barka li nservu lil dawn it-tfal” xtaqu jagħmlu proġett oriġinali f’liema proġett it-tfal ikunu protagonisti.

Tista’ tisma’ din l-intervista b’mod sħiħ minn hawnhekk:

Semma kif matul din l-aħħar sena ħasbu kif jistgħu jagħmlu biex jirriflettu din is-sbuħija li hemm fid-differenzi ta’ bejnietna, li kultant flok tgħaqqadna sfortunatament toħloq sens ta’ preġudizzju. Il-missjunarji jkunu f’kulturi differenti u dawn il-missjunarji anke wħud lajċi fil-Ġimgħa Missjunarju qasmu l-esperjenzi tagħhom tal-missjoni mat-tfal tal-iskola. Bl-għajnuna tal-għalliem tal-arti, kif ukoll ta’ disinjatur anke grazzi għall-Kunsill Malti għall-Arti t-tfal bdew ipinġu l-perpsettiva tagħhhom tat-tfal madwar id-dinja, dan dejjem mir-ritratti li urewhom il-missjunarji u r-riċerka li għamlu. L-etajiet kienu ta’ bejn 5 snin u 11-il sena.

B’din l-inizjattiva rawwmu aktar kuxjenza fuq realtajiet li jgħixu tfal f’postijiet differenti fid-dinja u fl-aħħar tal-proċess kellhom madwar 300 biċċa xogħol ta’ arti. Din kompli tixhed it-talent tat-tfal u b’hekk ħolqu d-dinja bl-arti tat-tfal.

Żied jgħid li din kienet tfakkira li din l-arti mill-komunità għall-komunità tixhed li d-differenzi ta’ bejnietna jagħmluna isbaħ u li l-karattri tagħna jagħmluna isbaħ. Hu tkellem ukoll dwar is-sens ta’ gratitudni li ħalla dan il-mument sabiħ.

F’din iċ-ċelebrazzjoni kkomponew ukoll kanzunetta bil-Malti, bl-Ingliż u bl-Ispanjol bil-kordinazzjoni ta’ Fr Bernard Falzon flimkien ma’ Luke Cucciardi, l-għalliem tal-mużika fl-iskola. Kanzunetta li titratta d-diversità u s-sbuħija li ħoloq fina Alla.

Tista’ tara t-tfal ikantaw din l-kanzunetta minn hawnhekk:

Sors: Newsbook.com.mt