• 319‑il persuna temmew b’suċċess wieħed minn 10 korsijiet li ġew offruti matul l‑aħħar sena akkademika mill‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali flimkien ma’ entitajiet oħra tal‑Knisja f’Malta. Iċ‑ċerimonja annwali tal‑gradwazzjoni saret nhar it‑Tlieta 8 ta’ Novembru 2016, fil‑Knisja ta’ San Duminku, ir‑Rabat, u tmexxiet mill‑Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi. Iċ‑ċerimonja bdiet b’Quddiesa ta’ ringrazzjament, u wara saret il‑preżentazzjoni taċ‑ċertifikati.

    Il‑korsijiet li temmew il‑parteċipanti kienu tar‑raba’, il‑ħames u s‑sitt livell tal‑Malta Qualifications Framework (MQF) u tal‑European Qualifications Framework (EQF), fl‑oqsma tal‑Familja, it‑Tagħlim Soċjali tal‑Knisja, it‑Teoloġija, l‑Ispiritwalità Franġiskana, l‑Evanġelizzazjoni, il‑Liturġija, il‑ħidma mal‑Adoloxxenti u ż‑Żgħażagħ, l‑istudji fl‑Ispiritwalità Karmelitana u l‑istudju tal‑Bibbja.

    • Matul iċ‑ċerimonja ta’ gradwazzjoni tħabbar li l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Jimmy Bonnici bħala direttur ġdid tal‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali.

      Dun Jimmy Bonnici twieled fil‑25 ta’ Mejju 1972. Hu ġie ordnat saċerdot fis‑26 ta’ Ġunju 1998. L‑ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet fil‑Parroċċa tal‑Imġarr u bħala Direttur tal‑Prepadewtiċi (persuni li jkunu qed jitħejjew biex jidħlu s‑Seminarju Maġġuri) fis‑Seminarju tal‑Arċisqof. Fl‑2004 kiseb Dottorat fit‑Teoloġija Spiritwali mill‑Università Gregorjana f’Ruma. Meta rritorna Malta Dun Jimmy inħatar Direttur tal‑Prepadewtiċi fis‑Seminarju Maġġuri u beda joffri servizz pastorali fiż‑żona ta’ Mlit, il‑Mosta. Kien ukoll is‑Segretarju tal‑Kunsill Presbiterali u s‑Segretarju tal‑Kummissjoni għas‑saċerdoti żgħażagħ. Bejn l‑2005 u l‑2016 kien Direttur Spiritwali tal‑Iskola Sekondarja ta’ San Andrea. F’Jannar 2007 inħatar Rettur tas‑Seminarju fejn ilu jservi għal dawn l‑aħħar disa’ snin. Huwa ser jaqdi r-rwol ġdid tiegħu bħala Direttur tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali minn April tas-sena d-dieħla.

  • L‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali din is‑sena beda l‑ħdax‑il sena ta’ ħidma, u din kienet l‑għaxar ċerimonja ta’ gradwazzjoni. L‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali twaqqaf fl‑2005 biex iwieġeb għas‑sejħa li ħarġet mis‑Sinodu Djoċesan li joffri formazzjoni lill‑Insara għall‑ħtiġijiet reali tas‑soċjetà, u joffri formazzjoni lil dawk il‑persuni li jħossu l‑bżonn li jimpenjaw ruħhom b’mod attiv fil‑fidi tagħhom.

    Fis‑sena akkademika preżenti, l‑Istitut u diversi entitajiet formattivi oħra fil‑Knisja qed joffru tlettax‑il kors differenti li minnhom il‑Higher Education Award in Ecumenism jibda l‑ġimgħa id‑dieħla. Għal dawn il‑korsijiet qed jattendu 180 parteċipant. L‑informazzjoni dwar il‑korsijiet kollha tista’ titniżżel mill‑website www.maltapfi.org. Wieħed jista’ jċempel ukoll fuq 22039513.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja