WYD 2011 logo

Aktar minn 600 żagħżugħ Malti u Għawdxi ser jieħdu sehem fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ (JDŻ) f’Madrid, Spanja, bejn il-15 u l-21 t’Awwissu. L-avveniment internazzjonali huwa ċelebrazzjoni ta’ kultura u fidi nisranija li jġib flimkien maż-żewġ miljun ruħ minn madwar id-dinja.

L-Isqof Mario Grech ser ikun qed imexxi d-delegazzjoni Maltija u ġie mistieden jagħti serje ta’ katekeżi u laqgħat għal udjenzi internazzjonali ta’ żgħażagħ. Diversi artisti Maltin ġew magħżula mill-kumitat organiżżattiv Spanjol biex jipparteċipaw fil-programm uffiċjali tal-JDŻ, fosthom kunċerti minn RiSe Band u mis-saċerdot żagħżugħ Fr Robert Galea.

F’Madrid, il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ) tal-Knisja f’Malta ser torganizza Ġurnata Maltija nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Awwissu, li ser tiġbor flimkien il-membri żgħażagħ ta’ 15-il għaqda minn Malta u Għawdex.

Il-programm matul il-ġimgħa sħiħa jikkonsisti f’attivitajiet spiritwali u kulturali li jilħqu l-qofol tagħhom bejn is-Sibt 20 u l-Ħadd 21. Iż-żgħażagħ kollha fil-JDŻ se jiltaqgħu fl-Ajruport ta’ Cuatro Vientos fejn matul il-lejl jiċċelebraw il-velja flimkien mal-Papa Benedittu XVI u l-għada filgħodu, il-Quddiesa tal-għeluq.

It-tema tal-JDŻ għal din is-sena hija “Niżżlu għeruqkom fi Kristu, u nbnew fuqu; issaħħu fil-fidi” (Kol 2,7). Aktar kmieni din is-sena, l-Knisja f’ Malta pproduċiet il-verżjoni lokali tal-innu uffiċċjali, kantat minn Thea Garrett.