Oġġetti ta’ wirt kulturali differenti f’seba’ knejjes madwar Malta se jkunu qed jiġu rrestawrati permezz ta’ skema tal-Gvern.

Din l-iskema qed titmexxa mill-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni u kienet miftuħa għall-organizzazzjonijiet kulturali u organizzazzjonijiet volontarji.

L-oġġetti ta’ ċertu wirt jinkludi proprjetà kulturali immobbli interna u esterna, bħal altari, dekor arkitettoniku, xogħlijiet tal-arti, dekorazzjonijiet u elementi oħra.

Is-seba’ proġetti li se jibbenefikaw minn din l-iskema huma:

  • Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan – Introibo ad Altare Dei: Restawr u Konservazzjoni tal-Artali fil-Knisja l-Qadima tal-Parroċċa ta’ San Ġiljan
  • Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta – Restawr tal-Artal tal-Kappella ta’ Sant’Anna: Knisja tal-Ġiżwiti, Valletta
  • Soċjetà Storiko Kulturali Vittoriosa – Konservazzjoni u Restawr tal-pittura tal-Artal tal-Assunzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija
  • Fondazzjoni Patrimonju Siġġiewi – Restawr tal-pittura tal-Madonna Immakulata
  • Soċjetà Dun Filippu Borgia – Restawr tal-arloġġ fil-Knisja ta’ San Pawl, Birkirkara
  • Għaqda Mużikali Sant’Andrija, Luqa – Restawr tal-bibien li jinsabu fil-faċċata tal-Knisja
  • Fondazzjoni Wirt Kulturali Vittoriosa: Restawr tal-Bradella tal-Istatwa ta’ San Lawrenz

Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici ħabbar ukoll it-tnedija ta’ skema ġdida, l-Iskema ta’ Finanzjament għar-Restawr – Artefatti Mobbli amministrata mill-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali.

Din l-iskema ġdida se tappoġġja applikanti li għandhom bżonn jirrestawraw affarijiet mobbli fil-Knejjes bħal pitturi, tessuti, statwi, linef u hija miftuħa għall-organizzazzjonijiet volontarji, b’kollaborazzjoni mal-Knisja Parrokjali. L-applikazzjonijiet se jagħlqu fit-2 ta’ Lulju.

Bonnici qal li “investimenti bħal dawn huma xhieda tal-importanza li nagħtu lil-legat kulturali u artistiku tagħna, f’dan il-każ dak reliġjuż”.